Imnedija żewġ kotba edukattivi għal studenti tal-iskejjel primarji

Tnedija ktieb annimali
Ritratt: Kevin Abela / DOI

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo kif ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana kienu preżenti fil-Kulleġġ ta’ St Thomas Moore, Primarja ta’ Wied il-Għajn għat-tnedija ta’ żewġ pubblikazzjonijiet edukattivi bl-intenzjoni li jitqassmu lill-istudenti tar-raba’ u s-sitt sena tal-iskejjel primarji.

Waqt it-tnedija l-Ministru Refalo qal li jinsab sodisfatt ferm bil-pubblikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kotba kif ukoll irringrazzja lill-eks kummissarju l-Maġistrat Dr Denis Montebello u lit-tim tiegħu li ħadu ħsieb dawn il-pubblikazzjonijiet. Żied jgħid ukoll li, “Hemm bżonn li nkomplu din is-sinergija u koperazzjoni kemm min-naħa tal-edukazzjoni u anke min-naħa tagħna bħala ministeru”.

Dawn il-kotba se jitqassmu b’xejn fl-iskejjel primarji kollha f’Malta u Għawdex fl-iskejjel tal-istat, fl-iskejjel tal-knisja, u f’dawk indipendenti u ser ikunu wkoll disponibbli fil-libreriji pubbliċi tal-Gżejjer Maltin.

Tnedija ktieb annimali
Ritratt: Kevin Abela / DOI

Il-Ministru Justyne Caruana qalet li huwa importanti li l-edukazzjoni li tingħata fl-iskejjel tkun waħda ħolistika u tkopri suġġetti varji, u spjegat kif dan is-suġġett partikolari – it-trattament xieraq tal-annimali – sar parti vitali mill-kurrikulu tal-istudenti fil-lezzjonijiet tagħhom tal-PSCD. Għaddejjin ukoll diskussjoniet kontinwi biex fil-futur dawn il-lezzjonijiet jiġu estiżi għall-istudenti tat-tielet sena tas-sekondarja biex b’hekk tintlaħaq niċċa ġdida ta’ studenti.

Iż-żewġ pubblikazzjonijiet edukattivi jagħmlu parti mill-kampanja ta’ disseminazzjoni li ssir mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali bil-għan li sservi ta’ pjattaforma sabiex teduka lill-pubbliku,  partikolarment lill-istudenti li jattendu r-raba’ u s-sitt sena tal-iskejjel primarji, dwar it-trattamenti xierqa tal-annimali kif ukoll dwar regolamenti u liġijiet li jiffurmaw parti integrali mill-Att dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali. L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali ilu mwaqqaf mill-2014.

Tnedija ktieb annimali
Ritratt: Kevin Abela / DOI

Wieħed mill-kotba huwa ddedikat għall-istudenti tar-raba’ sena bl-isem ‘Il-Vjaġġ ta’ Karl u l-Imħabba lejn l-Annimali’ f’forma ta’ rakkont fejn jissemmew il-ħames libertajiet tal-annimali, in-numru tal-ambulanza tal-annimali, informazzjoni fuq iż-żwiemel tal-karozzini u attivitajiet oħra interessanti biex il-ktieb ikun ukoll interattiv. Dawn se jingħataw lill-għalliema tal-PSCD biex iqassmuhom lill-istudenti tagħhom u ssir lezzjoni bejniethom.

It-titlu tal-pubblikazzjoni l-oħra għall-istudenti tas-sitt sena tal-primarja huwa ‘L-Imħabba Tagħna Lejn l-Annimali: Obbligi-Liġijiet-Regolamenti-Informazzjoni’.

Din il-pubblikazzjoni hija bbażata aktar fuq informazzjoni edukattiva sabiex l-istudent u l-qarrej jagħraf il-bżonnijiet tal-annimali kollha bħall-ħames libertajiet u tingħata informazzjoni siewja oħra. Lill-istudenti tas-sitt sena, l-ewwel issirilhom lezzjoni interattiva mill-Uffiċċju tal-Promozzjoni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali waqt il-lezzjoni tal-PSCD, u wara l-istudenti jingħataw il-ktieb bl-informazzjoni kollha li tkun saret matul is-sessjoni.

Waqt it-tnedija kienu wkoll preżenti l-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali Alison Bezzina, u Dunstan Hamilton, Uffiċjal Edukattiv li jikkoordina bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Uffiċċju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali.

Tnedija ktieb annimali
Ritratt: Kevin Abela / DOI

Dan it-tagħrif twassal mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet minn Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn