Imnedija uffiċjalment il-kampanja Solidarjetà bl-Isports 2015

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ppresediet konferenza li matulha ġiet imnedija uffiċjalment Solidarjetà bl-Isports 2015. 
B’differenza mis-snin ta’ qabel, inħatru għadd ta’ ambaxxaturi sportivi li se  jikkordinaw madwar 300 għaqda sportiva u klabbs affiljati f’attivitajiet li se jsiru matul is-sena.
Il-President ta’ Malta spjegat kif il-kanċer f’pajjiżna qed jikber, u mill-aħħar riċerka nstab li dawk li twieldu qabel l-1960, l-inċidenza tal-kanċer qed tkun ta’ wieħed minn kull tliet persuni, filwaqt li l-inċidenza tal-kanċer fost dawk li twieldu wara l-1960, hija ta’ wieħed minn kull żewġ persuni. 
Il-President spjegat li l-Malta Community Chest Fund trid tibqa’ tgħin kemm tiflaħ minħabba li dan huwa l-unika fond Nazzjonali li verament qed jidħol għal dawk il-Maltin u l-Għawdxin li jaffaċċjaw sitwazzjonijiet ta’ mard.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Chris Agius li appella lill-għaqdiet sportivi biex jikkonkorru bi ħġarhom u jtellgħu attivitajiet ta’ solidarjetà ma’ min qed jaffaċċja sitwazzjonijiet diffiċli.
Tkellem ukoll il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport David Agius li saħaq fuq l-importanza tas-solidarjetà fl-isports u l-bżonn li nkunu ta’ spalla għal xulxin.

Ritratt: DOI – Jeremy Wonnacott