Imnedija t-TOSFA; iż-żerriegħa għall-intrapriżi ż-żgħar

Tnediet għar-raba’ sena konsekuttiva t-TAKEOFF Seed Fund Award (TOSFA), inizjattiva li tgħin lil intrapriżi żgħar sabiex jidħlu fis-suq għall-ewwel darba.
Dawk l-intraprendituri li qed joffru servizzi u prodotti innovattivi fis-swieqi Maltin, u mħajra jibdew in-negozju tagħhom, jistgħu jibbenefikaw sa massimu ta’ €20,000 f’Seed funds, litteralment fondi-żerriegħa għat-twelid tan-negozju.
Ir-rebbieħa tat-TOSFA jibbenefikaw ukoll minn taħriġ u appġoo għall-isforzi tagħhom.
Edizzjonijiet preċedenti attiraw ’il fuq minn 100 applikant, u ġew megħjuna mal-25 proġett.
Waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ, ippreżentaw il-progress tagħhom bis-saħħa tat-TOSFA tliet intrapriżi: Incredible Web, Freshy, u l-Professur Tonio Sant.
Għall-edizzjoni ta’ dis-sena, ġew allokati €100,000.
Nhar it-Tlieta, 23 ta’ Mejju f’nofsinhar, jagħlqu l-applikazzjonijiet. Se jiġi organizzat ukoll workshop għal min hu interessat nhar is-Sibt, 29 ta’ April.
Il-proġett tnieda mill-Ministru għall-Intrapriżi ż-Żgħar, Chris Cardona, u l-Università ta’ Malta, bl-appoġġ tal-Uffiċċju għar-Riċerka Korporattiva u t-Trasferiment ta’ Tagħrif, l-Inkubatur tan-Negozju TAKEOFF, u ċ-Ċentru għall-Intraprenditorija u għall-Inkubazzjoni tan-Negozju tal-Università.