Imnedija t-tielet edizzjoni tal-Premju għall-Arti

DOI / Kevin Abela

Read in English.

Il-Premju għall-Arti, inizjattiva tal-Kunsill Malti għall-Arti li jaqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali se jirritorna għat-tielet edizzjoni tiegħu.

Il-premju se jkun taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta George Vella, u se jkun qiegħed jiċċelebra xogħol eċċellenti u li jkun ta kontribut għat-titjib tas-setturi kreattivi u kulturali ta’ Malta li ttella’ matul l-istaġun kreattiv tal-2018/2019.

Dehra friska u ġdida

Il-Premju għall-Arti din is-sena għandu dehra friska u ġdida, u matul is-serata tal-premji r-rebbieħa se jiġu ppreżentati bi trofew prestiġjuż u b’disinn ġdid tal-Kunsill Malti għall-Arti, li ġie maħluq u żviluppat mill-artist Kane Calì.

Din is-sena l-premju se jiffoka aktar fuq il-komunità, minħabba l-fatt li hija aktar faċli biex il-pubbliku jinnomina individwi jew organizzazzjonijiet li laqtuhom u li jaħsbu li jkun ħaqqhom apprezzament għax-xogħol li ttella’ matul l-istaġun tal-2018/2019. Għal dan l-għan ġiet imnedija website ġdida li permezz tagħha l-udjenzi jistgħu jinnominaw ix-xogħol jew l-artisti li jemmnu li ħaqqhom jiġu rikonoxxuti.

Il-proċess tan-nominazzjoni huwa sempliċi – il-membri tal-pubbliku jridu jimlew formola sempliċi fuq il-website. Meta tiġi mressqa nomina, it-team ta’ Il-Premju għall-Arti jikkuntattjaw lill-individwi nnominati, u jistaqsuhom jekk jixtiequx jaċċettaw jew jirrifjutaw in-nomina. Jekk jaċċettaw, ikunu jridu jressqu dokumentazzjoni li jkollha x’taqsam max-xogħol tagħhom, li eventwalment tiġi evalwata minn esperti fis-settur.

10 kategoriji kompetittivi

Se jkun hemm 10 kategoriji kompetittivi fosthom Artist tas-Sena, Produzzjoni tas-Sena, l-Aqwa Intrapriża Kreattiva, u Premju għall-Innovazzjoni. Il-Premju għall-Arti se jagħti wkoll tliet unuri mhux kompetittivi: l-Unur għall-Karriera Artistika, l-Unur għall-Promoturi Kulturali u l-Unur għall-Wirt Artistiku.

Il-President George Vella tkellem fuq is-sinifikat ta’ Il-Premju għall-Arti li jqanqal sensittività lejn dak kollu li hu meqjus artistiku. Kompla billi qal li inizjattiva bħal din hija “rikonoxximent miċ-ċittadin” lejn kull oġġett li jista’ jitqies bħala artistiku u għalhekk jiġi innominat għal dan il-premju.

DOI / Kevin Abela

Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici, enfasizza l-importanza ta’ Il-Premju għall-Arti għas-setturi kulturali u kreattivi, minħabba r-rikonoxximent li jagħti lill-aktar proġetti, produzzjonijiet, prattiċi artistiċi u metodoloġiji li jispikkaw.

Id-Direttur Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall enfasizza l-isforz komunitarju tal-Kunsill Malti għall-Arti fejn jidħlu dawn il-premji, u qal li din is-sena l-Kunsill għamel pass ulterjuri billi ħoloq “proċess ta’ nominazzjoni li jgħaqqadna aktar mill-qrib mal-poplu u b’dan il-mod, il-Kunsill se jkun qed jindirizza udjenza usa’ biex tinnomina aktar produzzjonijiet u artisti ta’ talent.”

Iċ-ċerimonja, se tittella’ f’April 2020 u l-proċess tan-nominazzjoni jinsab miftuħ fuq www.premju.mt, u jagħlaq fil-15 ta’ Novembru 2019. Nominazzjonijiet li jaslu tard mhux se jiġu kkunsidrati.

Għal aktar informazzjoni ċempel lill-Kunsill Malti għall-Arti fuq 2339 7019, jew ibgħat email fuq awards@artscouncilmalta.org.