Imnedija r-raba’ edizzjoni tal-Premju Ġieħ l-Artiġġjanat Malti

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Chris Cardona, nieda r-raba’ edizzjoni tal-Premju Ġieħ l-Artiġġjanat Malti 2013.

Il-Ministru Cardona qal li l-Gvern huwa kommess li fi żmien li ġej iniedi proġetti u inizjattivi li jgħinu fl-għarfien u l-preservazzjoni tat-tradizzjonijiet kulturali u snajja’ Maltin biex dawn jgħaddu bħala wirt lill-ġenerazzjonijieet ta’ wara.

Il-Minstru Chris Cardona qal li l-potenzjal li għandha Malta f’dan is-settur huwa rifless anke fl-ammont ta’ interess qawwi li tiġġenera din il-kompetizzjoni. Il-Premju Ġieħ l-Artiġġjanat Malti din is-sena se jkollu fond ta’ premjijiet ta’ €85,000.

Huwa qal li f’tentattiv li jitjieb il-konkors, qabel l-edizzjoni ta’ din is-sena sar eżerċizzju ta’ konsultazzjoni mal-artiġġjani kollha li huma reġistrati mal-Kunsill Malti għall-Artiġġjanat, li jammontaw għal madwar 1200, fejn dawn kienu mitluba jesprimu l-opinjoni tagħhom u jagħtu kummenti jew suġġerimenti fuq diversi aspetti tal-kompetizzjoni.