Imnedija proġetti għall-istrateġija kontra l-faqar

Il-Ministru Marie-Louise Coleiro Preca ħabbret li l-Ministeru se jkun qed jaħdem fuq proġett mill-Fondi Ewropej, bl-isem ta’ ‘Leap’. Dan il-proġett se jkun qed jinvolvi li jintgħażlu 200 persuna li jagħmlu użu mill-benefiċċji soċjali biex jgħinuhom fi proċess ta’ rijabilitazzjoni. Meta mistoqsija kif ser jintgħażlu dawn il-persuni, il-Ministru qalet li għadha ma tafx.

Maria Rauch, li qed tmexxi l-proġett ‘Leap’ spjegat li kien hemm korispondeza ma’ tliet pajjiżi, il-Portugall, l-Irlanda u l-Ġermanja biex janalizzaw il-mudelli tagħhom kontra l-faqar.

Bi preparazzjoni għall-istrateġija tal-Gvern kontra l-faqar, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali u l-Familja dalgħodu ppreżentat rapport b’punti li tressqu matul proċess ta’ konsultazzjoni.

Matul dan il-perjodu ta’ konsultazzjoni, il-Ministeru kellu mat-80 laqgħa ma’ entitajiet ikkonċernati mal-faqar. Dawn kienu jinkludu għaqdiet non-governattivi, Social Workers u psikologi.

F’konferenza tal-aħbarijiet fl-intrata tal-Ministeru fil-Belt Valletta, il-Ministru Coleiro Preca spjegat li l-għan tal-Gvern hu li juri li l-faqar qed iħallas għalih il-poplu. Hija ddeskriviet il-faqar bħala s-susa fis-soċjetà Maltija.

Il-Ministru qalet li fil-futur mistennija jiftħu ħames Ċentri ta’ Riżorsi għall-Familja. Il-Ministru ma speċifikatx fejn se jkunu qed jiftħu iżda fakkret li din kienet parti mill-wegħda elettorali tal-Gvern Laburista.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll Yana Mintoff Bland, li hija l-koordinattriċi tal-istrateġija kontra l-faqar.

Tħabbar ukoll li matul id-disa’ u l-14 ta’ Settembru se tiġi organizzata ġimgħa ta’ esebizzjonijiet ta’ forom varji ta’ arti bil-għan li titqajjem kuxjenza dwar il-faqar f’Malta.