Imnedija petizzjoni biex il-kuċċier taż-żiemel imsawwat ma jitħalliex irabbi annimali

Kważi 800 persuna, fi ftit sigħat, iffirmaw petizzjoni onlajn biex il-kuċċier taż-żiemel li tressaq il-Qorti din il-ġimgħa fuq swat taż-żiemel, ma jitħalliex irabbi annimali.
Il-petizzjoni onlajn għandha l-għan li tiġbor mill-inqas 1,000 firma u fl-ewwel ftit sigħat minn meta ġiet organizzata, ġibdet l-appoġġ ta’ diversi minn Malta u minn pajjiżi oħra nkluż ir-Renju Unit, l-Italja, Spanja, l-Olanda u l-Istati Uniti.
Saret fuq inizjattiva ta’ individwi li qiesu s-sentenza tal-Qorti, iktar kmieni din il-ġimgħa, bħala waħda mhux effettiva biżżejjed.
Ir-raġel tressaq il-Qorti mill-Pulizija wara li, nhar il-Ħadd, ġie ċċirkolat filmat tiegħu jagħti bil-frosta liż-żiemel li kien mal-art.
Sat-Tlieta, l-awtoritajiet identifikaw lill-kuċċier, għamlu spezzjonijiet fl-istalel tiegħu u ressquh il-Qorti b’akkużi ta’ krudeltà fuq annimali. 
Il-petizzjoni onlajn tista' taraha hawn.