Università tar-Raba’ Età għad-djar tal-anzjani

Ġiet stabbilita l-Università tar-Raba’ Età. L-anzjani li jikkwalifikaw għal dan it-tagħlim se jkunu jistgħu jattendu f’żewġ ċentri; San Vinċenz de Paul kif ukoll Dar San Ġużepp fil-Fgura wara li ġie ffirmat ftehim ġdid bejn l-Università ta’ Malta u s-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva. Permezz tal-istess ftehim, se jkun hemm sitt ċentri ta’ Università tat-Tielet Età. Dawn se jkunu fil-Furjana, Ta’ Sliema, Ħ’Attard, il-Kottonera, il-Mellieħa u Birżebbuġa.

Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis ħabbar li Malta se tkun l-ewwel pajjiż li se tistabbilixxi l-Università tar-Raba’ Età. Agius Decelis qal li permezz ta’ dawn iċ-ċentri l-anzjani f’pajjiżna għandhom l-opportunità li jibqgħu attivi b’mod intelletwali u soċjali, u jibqgħu jitgħallmu dwar suġġetti varji minn professjonisti magħżula mill-Università ta’ Malta.

Il-Pro-Rettur għall-Affarijiet tal-Istudenti Prof Carmen Sammut saħqet li permezz ta’ dan il-ftehim l-Università ta’ Malta laħqet livell ġdid fil-viżjoni tagħha. Is-servizzi tal-Università qegħdin jiġu estiżi biex ikomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja għall-anzjani fid-djar residenzjali u fil-komunità.

Prof. Marvin Formosa, Delegat tar-Rettur għall-Università tat-Tielet Età, spjega kif dawn is-sezzjonijiet se jkomplu jżiedu fil-kapital soċjali ta’ dawn l-anzjani filwaqt li jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ kwalità. Hu qal li dan hu l-għan aħħari tal-anzjanità attiva.