Imnedija l-kampanja “Xemgħa għall-Paċi” fis-Sirja

Tfal Sirjani jixegħelu xemgħa fit-tnedija tal-kampanja għall-paċi fis-Sirja

Fil-kampanja tagħha tal-Milied, il-Fondazzjoni Kattolika Pontifiċja Aid to the Church in Need (ACN) se tintensifika l-isforzi tagħha favur id-diversi komunitajiet insara fis-Sirja.

Il-preżenza tal-insara fis-Sirja tinsab fil-periklu li tispiċċa ħaġa tal-passat.  Qabel bdiet il-gwerra, l-insara kienu jammontaw għal madwar 10% tal-popolazzjoni tas-Sirja, jiġifieri xi 2.5 miljun persuna. Illum hu kalkulat li fadal madwar 700,000 persuna li jfisser bejn 3% u 4%.

Dan in-nuqqas drammatiku hi konsegwenza diretta tal-kriżi umanitarja li ġiebet iol-gwerra ċivili u sussegwentement aggravata mill-persekuzzjoni sfaċċata tal-insara minn gruppi estremisti fosthom l-ISIS u Al-Qaeda.

Aid to Church in Need qed timmira li tiffinanzja proġetti ta’ emerġenza, il-bini mill-ġdid u għajnuna pastorali li jiswew madwar €15 miljun li jaqdu b’mod partikolari l-ħtiġijiet tat-tfal u ż-żgħażagħ.

Il-proġetti ta’ emerġenza jinkludu provvista ta’ ikel, mediċinali, oġġetti ta’ iġjene personali, kirjiet u l-provvista ta’ elettriku u fuel lil familji li kellhom jitilqu minn djarhom.

Il-proġetti ta’ rikostruzzjoni huma d-djar privati ta’ familji ta’ refuġjati li rritornaw lejn pajjiżhom u strutturi oħra essenzjali fi bliet u rħula tal-insara fosthom knejjes u monasteri.

Il-proġetti pastorali huma għajnuna biex qassisin u sorijiet ikollhom biex jgħixu, programmi ta’ taħriġ u kura spiritwali u programmi ta’ għajnuna lil dawk li għaddew mit-trawma tal-gwerra.

Barra minn dan ACN trid tiffinanzja l-miżati tal-iskejjel, scholarships għall-istudenti universitarji, apparat u materjal edukattiv, ħalib u ikel tat-trabi u t-tfal taħt it-tliet snin kif ukoll rigal simboliku tal-Milied għal aktar minn 15,000 tifel u tifla.

Qabel tiftaħ din il-kampanja se jkun hemm azzjoni simbolika fejn madwar 50,000 tifel u tifla minn komunitajiet insara differenti minn sitt bliet imfarrka bil-gwerra bħal Damasku, Homs, marmarita, Aleppo, Hassake, Tartous u Latakia, se jixegħlu xemgħa għall-paċi.

“Permezz ta’ din il-kampanja tal-Milied, ACN qed tittana li toffri konsolazzjoni għall-insara Sirjani fit-tbatija li għaddejjin minnha billi l-paċi għadha ma waslitx fil-pajjiż kollu. Fl-istess waqt nittamaw li mmissu l-qlub tan-nies kollha ta’ rieda tajb u nimmobilizzaw id-dinja biex tgħin lil din il-komunità nisranija fil-Lvant Nofsani u tgħin lis-Sirjani biex jibqgħu jgħixu f’pajjiżhom”, spjega Thomas Heine-Geldern, Kap Eżekuttiv ta’ ACN.

Sadattant ħafna nsara fis-Sirja diġà urew il-gratitudni tagħhom għal din il-kampanja. L-Isqof Ortodoss Grieg ta’ Banias qal li “Għandna bżonn nitolbu u nkunu flimkien biex nilqgħu għall-isfidi li qed tiffaċċja s-Sirja. Xemgħa għall-Paċi hi verament inizjattiva u idea simbolika”.

Nhar il-Ħadd qabel ir-reċita tal-Angelus il-Papa Franġisku ngħaqad simbolikament ma’ din il-kampanja billi xiegġħel xemgħa mibgħuta lilu apposta mis-Sirja.