Imnedija l-Imnarja 2015

Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja Roderick Galdes nieda l-attivitajiet relatati mal-festa tradizzjonali tal-Imnarja li se jittellgħu fil-Buskett.
L-attivitajiet se jibdew lejlet l-Imnarja, il-Ħadd 28 ta’ Ġunju mis-6pm ’il quddiem, u jissuktaw it-Tnejn 29 ta’ Ġunju mis-6am sas-2pm.
Roderick Galdes ddeskriva din il-festa bħala opportunità mill-aqwa biex sservi ta’ vetrina għall-prodott lokali.
Qal li minkejja li din il-festa tradizzjonali tilfet xi ftit il-popolarità tagħha, fl-aħħar tliet snin saru sforzi mis-Segretarjat biex din l-attività terġa’ tqum fuq saqajha.
Fl-edizzjoni ta’ din is-sena se jkun hemm ammont kbir ta’ annimali, fosthom żwiemel, baqar, klieb, fniek, mogħoż, nagħaġ u tjur differenti.
Se jkun hemm diversi esibizzjonijiet ta’ ħxejjex u wirjiet oħra ta’ interess.
Waqt li tkun għaddejja l-attività, se jkun hemm servizz ta’ Park & Ride minn Triq l-Infetti.

Ritratt: DOI – Clifton Fenech