Imnedija konsultazzjoni pubblika għall-Politika Nazzjonali dwar iż-Żgħażagħ 2021-2030

Ritratt-DOI-Clifton-Fenech

Tnediet il-konsultazzjoni pubblika għall-Politika Nazzjonali dwar iż-Żgħażagħ. Il-Politika Nazzjonali dwar iż-Żgħażagħ bl-isem Towards 2030 – Reaching out to, working with, and supporting young people se tkopri l-perjodu bejn l-2021 sa l-2030 u tiffoka fuq iż-żgħażagħ kollha ta’ bejn it-13 u t-30 sena.

Towards 2030 hija inkorporata f’politiki nazzjonali relatati kif ukoll fil-politiki taż-żgħażagħ Ewropej u internazzjonali u se tikkumplimenta l-politiki nazzjonali f’oqsma relatati bħall-edukazzjoni, l-impjieg, il-ġustizzja u s-saħħa – oqsma li lkoll għandhom impatt fuq iż-żgħażagħ. 

Il-viżjoni ta’ din il-politika se tkun:

  • Flessibbilità u innovazzjoni—li tvarja minn dak lokali għal dak nazzjonali u minn dak nazzjonali għal dak Ewropew u dak globali. 
  • Għandha l-għan li tappoġġja u tħeġġeġ liż-żgħażagħ, kemm bħala individwi kif ukoll bħala ċittadini, fi skejjel u istituzzjonijiet edukattivi, fix-xogħol, fil-komunità u permezz tal-midja soċjali. 
  • Li tagħti s-setgħa liż-żgħażagħ permezz tal-prattika effettiva tal-youth work, inkluża d-diġitalizzazzjoni tax-xogħol taż-żgħażagħ; ċentri u appoġġ reġjonali u lokali bbażati lokalment; programmi nazzjonali, proġetti u inizjattivi transsettorjali mas-setturi volontarji, statali u privati; u xogħol miż-żgħażagħ għaż-żgħażagħ.

Din il-politika tistabbilixxi sitt għanijiet strateġiċi u azzjonijiet li se jiġu implimentati matul il-perjodu 2021-2030.

Ir-responsabbiltà ġenerali għall-implimentazzjoni ta’ din il-politika se tkun tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u tas-Segretarjat Parlamentari għall-Isport, iż-Żgħażagħ u l-Volontarjat, filwaqt li Aġenzija Żgħażagħ se tkun responsabbli għall-ippjanar strateġiku, l-implimentazzjoni u kwistjonijiet operattivi ta’ kuljum. Il-Kunsill Nazzjonali taz-Żgħażagħ ukoll se jsegwi din il-politika. 

Dan id-dokument ta’ diskussjoni jara li jiżgura li dawk in-nies, gruppi u organizzazzjonijiet kollha li jaħdmu għal, u maż-żgħażagħ, ikollhom l-opportunità li jipparteċipaw b’mod attiv u jikkontribwixxu għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tiegħu.

Il-konstulazzjoni pubblika hija miftuħa sat-30 ta’ Ottubru 2020 u l-pubbliku jista’ jibgħat is-suġġerimenti tiegħu permezz ta’ email fuq: Youth.Policy.Consultation.mede@gov.mt.

Id-dokument tal-konsultazzjoni pubblika għall-Politika Nazzjonali dwar iż-Żgħażagħ 2021-2030 jinsab fuq is-sit: https://online.fliphtml5.com/rqmms/hhjn/.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ Clifton Grima qal li permezz tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ fl-2015, kienet ġiet stabbilita politika nazzjonali realistika u fattibbli. Is-suċċess f’dan is settur huwa xhieda tal-impenn u dedikazzjoni tal-Gvern lejn iż-żgħażagħ.  Huwa stqarr li din il-politika pprovdiet pedamenti sodi għall-ħidma li qed issir illum għall-iżvilupp ta’ politika nazzjonali ġdida dwar iż-żgħażagħ.