Imnedija brazzuletta elettronika bir-Rużarju

Il-brazzuletta elettronika bit-talba tar-Rużarju

Il-Vatikan qed jittama li jħajjar żgħażagħ li huma ffissti fit-teknoloġija biex jibdew jgħidu t-talba tar-Rużarju billi nieda brazzuletta elettronika bir-rużarju. Dan il-‘gadget’ jintlibes bħala brazzuletta u jkun attivat malli wieħed irodd is-Salib.

L-apparat hu mqabbad ma’ App “Click to Pray eRosary” li hi maħsuba biex tgħin lill-Kattoliċi jitolbu għall-paċi fid-dinja u jikkontemplaw l-Evanġelju.  L-App tinnota l-progress li jkun għamel min jużaha u fiha spjegazzjoni awdjo-viżiva tar-rużarju.

Tradizzjoni u teknoloġija

Ir-rużarju tradizzjonali jingħad biex jgħin fit-talb u l-meditazzjoni. Min jgħidu jgħodd iż-żibeġ fuq kuruna.  Il-persuna tista’ tagħżel wieħed minn tliet modi kif titlob.  Hemm ir-rużarju normali, rużarju kontemplattiv u rużarju tematiku.

Il-brazzuletti huma magħmula minn għaxar żibeġ suwed tal-hematite u Salib tal-metall li jimmarka l-moviment.

Stqarrija għall-istampa tgħid li din l-invenzjoni ġġib flimkien l-aħjar tradizzjonali spiritwali tal-Knisja u l-aħħar avanzi tad-dinja teknoloġika.

Il-kumpannija GadgTek Inc, bażata fit-Taiwan żviluppat din il-gadget li hi reżistenti għall-ilma u kompatibbli mal-Android u iOS smartphones.

Din mhux l-ewwel darba li l-Knisja Kattolika użat l-avanzi fit-tekonoloġija biex tipprova tiġbed liż-żgħażagħ.

Fil-fatt, fl-2018 grupp Evanġeliku Kattoliku kien nieda il-“Follow JC Go” bażata fuq il-logħba elettronika Pokemon Go li kienet għamlet success kbir. Fil-Follow JC, min jilgħabha jrid “jaqbad” qaddisin jew karattri Bibliċi, minflok il-mostri tal-Pokemon.