Imnedija app ġdida għat-Tempji ta’ Ħal Tarxien

Dawk li jżuru t-tempji ta’ Ħal Tarxien issa jistgħu jibdew igawdu minn applikazzjoni, jew app, b’diversi servizzi interattivi biex tgħin lil dak li jkun japprezza aħjar l-importanza ta’ dan is-sit arkeoloġiku.
Din l-applikazzjoni tnediet mill-aġenzija tal-Gvern għall-informatika (MITA) u Heritage Malta, wara li inizjattiva kummerċjali ġdida ngħatat l-għajnuna.
Is-Segretarju Parlamentari Josè Herrera qal li l-Gvern qed jagħti l-appoġġ kollu possibbli lil inizjattivi ta’ start-up bħal Otus, li jinkorporaw l-innovazzjoni u t-teknoloġija.
Il-viżitaturi tat-tempji jistgħu jniżżlu b’xejn l-applikazzjoni “Tarxien Temples” minn fuq Google Play jew minn Play Store, li tinkludi wkoll servizzi addizzjonali bi ħlas minimu.
Il-ġimgħa li għaddiet, MITA nediet skema ġdida – StartAPP v2.0 – biex tagħti opportunità lil studenti u start-ups.