Imnedija aġenzija bejn Gvern u privat għas-settur marittimu

Il-Gvern nieda aġenzija ġdida, Malta Marittima, li tgħaqqad lill-Gvern u lill-industrija fi żvilupp marbut mal-industrija marittima.
L-aġenzija se titmexxa mill-Inġinier Marc Muscat bħala Chairperson.
L-aġenzija se taħdem fuq erba’ pilastri ewlenin identifikati mill-politika marittima mnedija s-sena li għaddiet: il-loġistika, is-servizzi, l-enerġija u l-ikel mill-baħar.
Se taħdem id f’id mas-settur privat, bħala one-stop-shop tal-Gvern, fil-qasam tar-riċerka u l-edukazzjoni, l-ambjent u l-ippjanar, u s-sorveljanza u s-sigurtà.
Is-Segretarju Parlamentari Josè Herrera qies it-twaqqif ta’ din l-aġenzija bħala pass importanti għal Malta waqt li rrimarka li s-settur marittimu jikkontribwixxi għal 5% tal-impjiegi f’Malta u 9% tal-ġid maħluq fil-pajjiż.
Il-bord ta’ Malta Marittima hu magħmul ukoll minn Joe Bugeja mill-Malta Maritime Forum, Dr Ann Fenech mill-Malta Maritime Lawyers Association, Matthew Sullivan, Ernest Sullivan u Dr Alison Vassallo mill-Kamra tal-Kummerċ, Ivan Sammut minn Transport Malta, Dr Andreina Farrugia-Fenech mid-Dipartiment tas-Sajd, Dr Aaron Farrugia mill-Malta Freeport Corporation, Dr Andre Buttigieg mir-Regulatur tal-Enerġija, u Marika Tonna minn Malta Enterprise. 
Ritratt: DOI – Clodagh Farrugia O'Neill