Immultati 2 snack bars fiż-Żejtun u f’Ħal Għaxaq għax instabu miftuħin

Żewġ snack bars, wieħed fiż-Żejtun u l-ieħor f’Ħal Għaxaq, ġew immultati għaliex instabu miftuħin bi ksur tal-liġi li daħlet fis-seħħ riċentament minħabba l-coronavirus, li tgħid li l-istabbilimenti kollha għandhom jinżammu magħluqin.

Fl-aġġornament tal-Gvern tal-lejla ntqal li s-sidien ġew immultati €3,000 kull wieħed.

Illejla tħabbret l-ewwel mewta f’Malta bil-coronavirus, dik ta’ anzjana ta’ 92 sena li kienet Għawdxija. Hija mietet fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Fl-aħħar 24 siegħa saru aktar minn 880 spezzjoni fuq stabbilimenti tal-ikel u x-xorb fil-Gżejjer Maltin biex b’kollox, mindu daħlu fis-seħħ ir-regolamenti, twettqu aktar minn 18,400 spezzjoni. Wieħed jista’ jirrapporta abbużi fuq in-numru 2169 2447.

Erba’ persuni ġew immultati €100 wara li nstabu fi gruppi ta’ aktar minn 3 persuni waqt ir-rondi kontinwi li l-Pulizija qed tagħmel biex tassigura li ma jkunx hemm ġemgħat f’postijiet pubbliċi skont l-avviż legali li ħareġ il-Gvern.

Intant, mindu bdew isiru l-ispezzjonijiet, saru aktar minn 10,000 spezzjoni fuq dawk il-persuni li suppost kienu qed isegwu l-kwarantina obbligatorja. Fl-aħħar 24 siegħa saru 239 spezzjoni, filwaqt li nstabet persuna tikser il-kwarantina obbligatorja.

S’issa Malta rrekordjat 299 każ tal-coronavirus, inkluż il-persuna li mietet u l-ħames persuni li fiequ s’issa.