Immultata persuna li ppruvat taħrab darbtejn miċ-Ċentru ta’ Ħal Far

Miguela Xuereb

Persuna li fi żmien ftit sigħat ippruvat taħrab darbtejn waqt li tinsab fi kwarantina mandatorja fiċ-Ċentru l-Miftuħ ta’ Ħal Far se tġi mmultata skont il-liġijiet maħsuba għal dawk li jiksru l-kwarantina mandatorja.

Fi stqarrija, l-Aġenzija għall-Ħarsien tal-Persuni li Qed Ifittxu l-Ażil, qalet li l-persuna, fiż-żewġ okkażjonijiet li ppruvat taħrab, inżammet minn dawk li qed jipprovdu s-sigurtà madwar dan iċ-ċentru.

L-Aġenzija spjegat li fis-sigħat bikrin tal-Erbgħa filgħodu, membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, li qed jipprovdu sigurtà mad-dawra taċ-ċentru, qabdu lil din il-persuna minnufih. Minn hemm din il-persuna tpoġġiet f’parti oħra taċ-ċentru minn fejn iktar tard reġgħet ippruvat taħrab. Din id-darba nżammet bl-intervent tal-pulizija hekk kif ma laħqitx waslet san-naħa ta’ barra.

L-Aġenzija spjegat li f’dan il-każ japplikaw il-liġijiet maħsuba għal dawk li jiksru l-kwarantina mandatorja. Il-multa kurrenti għal dawk li jiksru l-kwarantina mandatorja hija dik ta’ €3,000.

Hi kompliet billi ċċarat li ċ-ċentru minn fejn ippruvat taħrab din il-persuna m’għandux x’jaqsam ma’ fejn qed jinżammu l-immigranti li diġà nstabu pożittivi għall-coronavirus.

Il-kwarantina mandatorja fiċ-Ċentru l-Miftuħ li kellha tintemm fid-19 ta’ April ġiet estiża għal 14-il jum ieħor hekk kif aktar immigranti fiċ-ċentru baqgħu jinstabu pożittivi għall-virus.

Il-Gvern kien ordna biex ir-residenti ta’ dan iċ-ċentru jinżammu kwarantina fil-5 ta’ April. Id-deċiżjoni ttieħdet wara li nstabu 8 każi minn dan iċ-ċentru.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn