Immultat €4,175 wara li ma ddikjarax il-flus

Taljan-Amerikan ġie mmultat €4,175 wara li naqas milli jiddikjara li fuqu kellu iktar minn €10,000 hekk kif stipulat mil-liġi f’Malta.

Fil-31 ta’ Diċembru l-akkużat ġie mwaqqaf mill-uffiċjali tad-dwana fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u kien hawnhekk fejn huma sabu l-ammont ta’ flus li jaqbez dak stipulat skont artiklu 3 fil-liġi sussidarja 233.07 tal-liġijiet ta’ Malta.

L-akkużat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih bil-qorti tordna li l-ammont li jeċċedi l-10,000 jiġi kkonfiskati favur il-Gvern Malti. L-ammonti konfiskati kienu ta’ €6,585 u $114.

L-akkużat ġie mmultat is-somma ta’ €4,175 liema somma hija ekwivalenti għall-25% tas-soma globali li kellu fuqu l-akkużat. Huwa ġie ordnat ukoll biex iħallas l-ispejjez tal-Qorti.