Immultat €300 fuq ksur tal-bail għax ‘waqaflu l-arloġġ’

Read in English.

Raġel residenti Birżebbuġa laqqat multa ta’ €300 wara li ammetta li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest tiegħu. Qal li ma ndunax bil-ħin għax skontu waqaflu l-arloġġ.

Il-Pulizija dalgħodu ressqet lil Axil James Busuttil ta’ 27 sena taħt arrest il-Qorti quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud.

Busuttil fil-Qorti qal li ttardja biex jidħol lura d-dar għax waqaflu l-arloġġ. L-avukat difensur qal li l-klijent tiegħu kien żewġ kantunieri ‘l bogħod mid-dar tiegħu. Qal li ilu fuq bail minn Settembru tal-2019 – dakinhar il-Qorti kienet qaltlu sa x’ħin irid ikun laħaq daħal id-dar kuljum. Il-Maġistrat qal li l-liġi hija ċara u anke jekk persuna tittardja b’minuta dan ikun ksur tal-kundizzjonijiet li jkunu ċari.

Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Roderick Attard qalet li Busuttil daħal id-dar nofsiegħa tard.

Il-Qorti kkonfiskat €3,500 minn Busuttil. Din kienet il-garanzija personali tiegħu imposta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras. Il-Maġistrat ta wkoll multa ta’ €300 lil Busuttil minflok piena ħabs.