Immodera l-kafè biex tnaqqas ir-riskju tal-mewt

Għalkemm il-konsum tal-kafè jħalli benefiċċju, studju li sar fl-Istati Uniti juri li hemm żieda ta’ 21% fir-riskju tal-mewt fost dawk il-persuni li għandhom eta’ inqas minn 55 sena li jixorbu aktar minn erba’ tazzi kafè kuljum.

Dan kien ir-riżultat ta’ studju li sar mill-Mayo Clinic fost 43,727 persuna, li l-eta’ tagħhom kienet tvarja minn 20 sa’ 87 sena.

Mir-riżultat tal-istudju jirriżulta li kien hemm rata għolja ta’ mwiet fost il-persuni li kienu jixorbu aktar minn erba’ tazzi kafè kuljum.

Interessanti l-fatt li dan ir-riskju jonqos fost dawk li għandhom aktar minn 55 sena.

Ir-rapport jissuġġerixxi li żgħażagħ u adulti li għandhom inqas minn 55 sena għandhom jillimitaw il-konsum tal-kafè matul il-ġurnata biex inaqsu r-riskju ta’ attakk tal-qalb fost l-oħrajn.