Immigrazzjoni: tista’ tibbukkja vjaġġ lejn l-Ewropa fuq Facebook

Immigranti irregolari jistgħu jiksbu l-informazzjoni kollha dwar vjaġġi mil-Libja lejn l-Italja permezz ta’ Facebook.
Paġni fuq dan is-sit jindikaw il-prezzijiet kif ukoll il-punt tat-tluq ta’ dawn il-vjaġġi illegali li jieħdu immigranti irregolari lejn l-Italja.
Jista’ wkoll isir kuntatt ma' min qed jorganizza dawn il-vjaġġi permezz tal-Whatsapp u Viber.
Il-paġni fuq Facebook jinkludu dettalji dwar il-vjaġġi li jsiru ta’ kuljum. Vjaġġ minn Zuara lejn l-Italja fuq bastiment immexxi minn kaptan Tuneżin jiswa madwar elf dollaru. It-tfal ma jiġux aċċettati. Huma orħos it-tariffi ta’ min jivvjaġġa mit-Tuneżija lejn il-Libja fejn il-prezz ta’ 350 dollaru jitħallas wara li l-persuna tasal il-Libja.
Fost il-kummenti li jitħallew fuq Facebook, hemm dawk li jistaqsu dwar il-kwalità tal-vjaġġ, il-livell ta’ sigurtà kif ukoll dwar postijiet tax-xogħol fl-Ewropa.
Ħafna drabi r-risposti mingħand min imexxi l-paġna fuq Facebook, tingħata permezz tat-telefown.
Naturalment dawk li jbiegħu dawn il-vjaġġi, ma jsemmu xejn dwar it-traġedji tal-aħħar jiem fil-Mediterran.