Immigrazzjoni: M’għadux permissibli li nimxu każ każ – Malta u l-Italja

Migrants from the German rescue ship "Alan Kurdi" arrive on an Armed Forces of Malta vessel at its base in Marsamxett Harbour, Valletta, Malta July 7, 2019. REUTERS/Darrin Zammit Lupi

Malta u l-Italja qalu li huma lesti jikkooperaw ma’ xulxin dwar l-immigrazzjoni u ħabbru li talbu għaż-żieda ta’ punt fuq l-aġenda tal-laqgħa li jmiss tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin li se ssir f’Lulju.

Fi stqarrija konġunta maħruġa bl-Ingliż u bit-Taljan, il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Italja u ta’ Malta, Enzo Moavero u Carmelo Abela, qalu li ma kienx aktar permessibbli li wieħed jipproċedi fuq bażi ta’ każ każ u t-tfittxija tas-soluzzjonijiet waqt emerġenzi.
Fl-aħħar xhur, id-diżgwid bejn bastimenti ta’ għaqdiet non-governattivi tas-salvataġġ u awtoritajiet varji sar aktar frekwenti.

Fl-aħħar ġimgħa, żewġ bastimenti tal-NGOs, Sea Watch 3 u Alex li huma tas-Sea-Watch u Mediterranea – Saving Humans marru kontra l-Ministru għall-Intern Matteo Salvini li ried politika ta’ portijiet magħluqa. Huma daħlu f’Lampedusa.

Illum kien hemm 65 immigrant abbord il-bastiment Alan Kurdi tas-Sea-Eye. Dawn ġew trasferiti lejn bastiment tal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) u se jkunu qed jidħlu Malta tard filgħaxija. Dan wara li kien hemm diskussjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet Maltin u Ġermaniżi.

Fl-istqarrija konġunta, huma qalu li s-sitwazzjonijiet kienu qed isiru aktar kumplessi u tennew li huwa essenzjali li jassiguraw governanza effettiva tal-movimenti tal-immigranti lejn l-Ewropa.

Iż-żewġ pajjiżi appellaw għal mekkaniżmu strutturat permanenti fuq livell Ewropew li jitratta l-kwistjonijiet kollha b’rabta mal-immigrazzjoni, u li mhux limitat biss għall-proċeduri b’rabta mad-dritt għall-ażil.

Fl-istqarrija, iż-żewġ pajjiżi qalu li riforma dwar ir-regolamentazzjoni ta’ Dublin mhix biżżejjed u li wieħed irid imur oltre u jieħu ħsieb l-immigranti kollha.