EASO: Allegat fastidju fuq il-ħaddiema

L-aġenzija ewlenija tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġjar tal-immigrazzjoni, l-EASO, tinsab f’nofs investigazzjoni minħabba allegat fastidju u vjolenza psikoloġika fuq il-ħaddiema, kif ukoll kultura ta’ irresponsabbiltà.
Dawn l-allegazzjonijiet jinsabu f’dokumenti interni li qed jgħid li ra l-ġurnal POLITICO, li huma xhieda ta’, fi kliemu, “kriżi kbira istituzzjonali”, wara li ħafna mill-istaff misjurin fix-xogħol qed jitilqu mill-aġenzija, li hi bbażata f’Malta.
Il-problema ewlenija tidher li hi n-nuqqas tas-saltna tad-dritt.
F’Jannar li għadda POLITICO kien irrapporta li d-Direttur Eżekuttiv tal-EASO, José Carreira, kien qed jiġi investigat mill-OLAF, l-uffiċċju tal-UE għal kontra l-frodi, dwar immaniġġjar ħażin tar-riżors uman u ksur ta’ regola tal-protezzjoni tad-dejta.
F’kummenti li ta lill-midja Carreira ċaħad dawn l-akkużi, u fakkar li l-investigazzjoni tal-OLAF ilha għaddejja issa 8 xhur, u għadhom ma saru ebda akkuża kontra xi ħadd mill-istaff.
L-EASO għandha rwol ċentrali għall-isfida tal-immigrazzjoni, u tipprovdi assistenza teknika u operattiva lil pajjiżi li jaraw ħafna immigranti deħlin, fosthom l-Italja u l-Greċja.
Il-migrazzjoni ngħatat aktar importanza politika fl-aħħar snin, tant li l-baġit Ewropew tela’ minn €15.5 miljun fl-2015 għal €69 miljun is-sena l-oħra.
L-investigazzjoni tal-OLAF fadlilha sa Lulju, iżda imejls li raw POLITICO juru li għad hemm problemi serji fl-EASO. F’waħda minnhom Emmanuel Maurage, il-kap tad-dipartiment tar-riżors uman fl-EASO kiteb li rriżenja wara deċizjoni li ħadet fit-tul imma saret konsapevolment.
Huwa talab lill-ħaddiema biex ma jimplimentawx ordnijiet illegali, anki jekk ikun hemm pressjoni qawwija mill-kbarat.
Ħaddiem ieħor, li POLITICO ma jridx isemmi ismu, qalilhom li qal lil Carreira li jerġa’ jmur jaħdem mal-EASO biss jekk Carreira ma jibqax hemm.
Fir-ritratt: id-Direttur Eżekuttiv tal-EASO