Immigrazzjoni: Jiltaqgħu b’urgenza il-mexxejja tal-UE

Illum fi Brussels se jiltaqgħu b’urġenza il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea f’tentattiv biex jiddiskutu l-immigrazzjoni lejn l-Ewropa. Bejn il-mexxejja hemm firdiet kbar dwar dan is-suġġett li issa anke qed jhedded l-istabilita tal-Gvern tal-Kanċilliet Ġermaniża Angela Merkel.

Ghalkemm din is-sena l-għadd ta’ dawk li qasmu l-Mediterran fi triqthom lejn l-Ewropa huwa frazzjoni tal-miljun li waslu l-Ewropa fl-2015 l-istħarriġ kollu juri illi l-migrazzjoni hija l-aktar ħaġa li qed tħasseb lil 500 miljun ċittadin tal-Unjoni.

Sa issa il-mexxejja, li jinsabu taħt pressjoin kbira minn nies ta’ pajjiżhom, għad ma irnexxilhomx isibu mod kif jaqsmu l-piz li iġġib magħha l-immigrazzjoni. It-tendenza hija li jieħdu miżuri li jnaqqsu l-immigrazzjoni fosthom li jgħinu finanzjarjament lill-pajjiżi tal-Afrika u l-Lvant Nofsani ħalli jżommu n-nies milli jmorru lejn l-Ewropa.