Immigrazzjoni: It-traffikanti qalgħu bejn 3 u 6 biljun ewro fl-2015

Is‑sena li għaddiet it‑traffikanti tal‑bnedmin għamlu profit rekord; daħħlu bejn 3 u 6 biljun ewro fil‑but biex wasslu aktar minn miljun persuna lejn l‑Ewropa. 
Il‑Kap tal‑Europol, Rob Wainwright, qal li kull immigrant iħallas iċ‑ċifra ta’ bejn €2,500 u €5,500 biex jagħmel il‑vjaġġ tal‑fortuna u jaħrab mill‑gwerra u l‑faqar. 
Mir‑riċerka li għamel il‑Europol, mill‑1,500 immigranti u refuġjat li ġew mistoqsija, 90% minnhom taw somma flus lil xi għaqda kriminali biex ikunu jistgħu jiġu fl‑Ewropa. 
“It‑traffiku tal‑bnedmin sar qisu ċ‑Champions League tal‑kriminali fl‑Ewropa, flimkien mat‑traffikar tad‑droga,” kompla jgħid Wainwright. 
Bil‑UNHCR tgħid li aktar minn miljun persuna ħarbu minn pajjiżhom u telqu fuq vjaġġ klandestin għall‑Ewropa, “dan ifisser li ħafna nies qed jagħmlu l‑flus,” saħaq Wainright. 
“Il‑pajjiżi tal‑Unjoni Ewropea għandhom bżonn jaħdmu aktar flimkien quddiem din il‑kriżi, kemm mal‑fruntieri u anke fit‑tqassim ta’ informazzjoni dwar il‑kriminali.  Ippjanar aħjar ta’ ħidmiet ta’ arresti internazzjonali għandu jgħin, waqt li l‑korpi kollha tal‑Pulizija madwar l‑Unjoni Ewropea għandhom jagħtu priorità ilmenti fuq traffikar tal‑bnedmin,” saħaq il‑Kap tal‑Europol. 
In‑netwerks kriminali jinfirxu mill‑pajjiżi ta’ taħt id‑deżert Saħara sal‑Iskandinavja, b’eluf ta’ nies huma involuti fil‑kummerċ. 
Fl‑aħħar sena biss, l‑Europol identifikat 10,700 suspettat li kienu involuti f’negozju illegali.  Is‑suspettati jvarjaw minn kriminali żgħar, għal dawk li jagħmlu passaporti foloz, sewwieqa tat‑taxis li jieħdu l‑immigranti fil‑pajjiżi u fuq il‑fruntieri, sa kriminali stabbiliti u magħrufa.