Immigrazzjoni: Il-PN irid pjan serju u azzjoni konkreta

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista sostna li hu jrid pjan serju u azzjoni konkreta fejn tidħol immigrazzjoni, u jixtieq li l-fruntieri jissaħħu sabiex ikun hemm iktar sigurtà f’Malta.

Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet li ngħatat mill-Kelliem għall-Affarijiet Barranin Carm Mifsud Bonnici u mill-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u Frank Psaila.

Carm Mifsud Bonnici qal li l-Partit Nazzjonalista kien, għadu u jibqa’ favur id-drittijiet fundamentali tan-nies, u jrid jassigura li f’Malta jkun hawn immigrazzjoni bil-għaqal, bi pjan u li tkun ta’ ġid għal Malta. Huwa qal li l-PN, bl-impenn u l-kredibilità tiegħu, jista’ jġib ir-riżultati mill-Parlament Ewropew.

Proposta Timmermans: Reazzjoni Peter Agius u David Casa

Il-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista, Peter Agius u David Casa, it-tnejn irreaġixxew għall-kummenti li ta l-Kandidat Soċjalista għall-President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans.

Frans Timmermans tkellem dwar il-bżonn li l-Ewropa kollha jkollha taxxa waħda ta’ 18 fil-mija, biex tassigura kundizzjonijiet ekwi bejn il-pajjiżi kollha.

Min-naħa tiegħu, il-kandidat Peter Agius sostna li hu ċar li l-armonizzazzjoni tar-rata tat-taxxa għal 18 fil-mija tisraq il-vantaġġ kompetittiv li għandha Malta fl-industrija tas-servizzi eżistenti, fejn tattira wkoll industriji oħra li huma bbażati fuq l-istess mudell. Qal li fil-25 ta’ Mejju l-poplu Malti ma jistax japprova dan il-proġett soċjalist.

Il-kandidat David Casa qal li mhux talli l-Partit Laburista ma rnexxilux ineħħi l-armonizzazzjoni tat-taxxa mill-manifest elettorali, iżda talli “il-ħabib tagħhom Timmermans” issa qed isejjaħ għal rata minima ta’ taxxa “li jkollha impatt negattiv enormi fuq Malta.”

Il-PN ha jkompli jiddefendi il-libertà tal-kelma – Francis Zammit Dimech

Il-kandidat għall-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech sostna li l-qtil tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia hu “attakk fuq il-libertà tal-espressjoni tagħna u fuq id-dritt tagħna li nkunu infurmati dwar dak li jolqotna.” Fakkar ukoll li l-PN kien dejjem fuq quddiem ta’ din il-ġlieda.

Zammit Dimech qal ukoll li hu kburi bil-ħidma li wettaq fil-Parlament Ewropew biex itejjeb il-liġi tal-kundizzjonijiet tax-xogħol biex it-taħriġ relatat max-xogħol ma jħallasx ghaliħ il-ħaddiem Malti, biex iż-żgħażagħ ikollhom opportunitajiet akbar bl-Erasmus ħa jsiefru barra u jistudjaw b’xejn, biex isalva  bosta impjiegi tal-farmaċewtika u biex jassigura li ma nitilfux il-vantaġġi fit-taxxa li tgawdi Malta.