Immigrazzjoni: Fl-1 ta’ Novembru jieqaf Mare Nostrum u jibda Triton

Il-Ministru Taljan Angelino Alfano qal li hekk kif Triton, il-ħidma l-ġdida tal-Unjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni tqum sew fuq saqajha, mistennija titwaqqaf il-ħidma Mare Nostrum.
Fi tmiem tal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri Ewropej għall-Ġustizzja u għall-Intern f’Lussemburgu, il-Ministru Taljan spjega li tħaffef ix-xogħol marbut mal-kwistjoni tal-immigrazzjoni.  
Il-Ministri Ewropej ilbieraħ approvaw id-dokument bil-proposta  tal-presidenza Taljana li mill-1 ta’ Novembru li ġej tibda taħdem l-operazzjoni Triton u se tkun qed taħdem 30 mil ‘il barra mill-kosta Taljana.
L-operazzjoni Taljana Mare Nostrum bdiet taħdem fit-18 ta’ Ottubru tas-sena li għaddiet wara li ġrat it-traġedja ta’ Lampedusa. 
Tul dawn it-12-il xahar permezz ta’ Mare Nostrum ġew salvati aktar minn 70,000 persuna mill-għarqa.
Waqt l-istess laqgħa f’Lussemburgu tkellem ukoll il-Ministru Malti Manuel Mallia fejn saħaq li l-Frontex għandha tingħata aktar għajnuna finanzjarja biex tħares il-Mediterran u ssalva l-ħajjiet.  
Dwar l-operazzjoni konġunta Triton, il-Ministru Mallia qal li l-Gvern Malti se jagħti l-għajnuna meħtieġa lill-Italja biex din l-operazzjoni tirnexxi.
Il-Ministru rrimarka li kważi għaddiet sena minn meta nħolqot it-Task Force tal-Mediterran, biex tagħraf x’għandu jsir dwar l-immigrazzjoni, iżda madanakollu xorta għad hemm nies imutu fil-baħar Mediterran.
Uffiċċjali Maltin bħalissa jinsabu f’Ruma biex jiddiskutu l-impenn ta’ Malta fl-operazzjoni Triton.