Immigrazzjoni: diverġenzi bejn il-mexxejja tal-UE minkejja l-“ftehim”

BELGIUM-EU-COUNCIL-SUMMIT

Read in English.

Jidher li kien hemm diverġenzi ta’ opinjonjiet bejn il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea dwar kif se jaħdem fil-prattika l-ftehim il-ġdid biex irażżan l-immigrazzjoni irregolari.

Fost l-oħrajn, dan il-ftehim jipprovdi għat-twaqqif ta’ ċentri ta’ sigurtà biex jintlagħu fihom l-immigranti. Madankollu l-ftehim ma jinkludi l-ebda referenza għal liema pajjiżi se jwaqqfu dawn iċ-ċentri.

Il-President Franċiż Emanuel Macron qal li pajjiżu mhu se jibni l-ebda ċentru għax mhuwiex il-post fejn l-immigranti jieqfu l-ewwel.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte qal li dawn iċ-ċentri jistgħu jitwaqqfu f’kull pajjiż tal-UE.

Il-President tal-UE Donald Tusk wissa li jista’ jkun hemm diffikultajiet fit-twettieq ta’ dan il-ftehim.

Il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel tkellmet dwar “pass sinifikanti ‘l quddiem” iżda saħqet li għad fadal ħafna x’isir biex jiġu indirizzati d-diverġenzi bejn il-mexxejja Ewropej.