Immigrazzjoni: Delia jiċċara; il-PL mhux konvint

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li l-Kap tiegħu Adrian Delia qatt ma qal li Malta għandha ssir il-post fejn jinġiebu u jinżammu l-immigranti kollha iżda għandu jkun biss il-pajjiż li jista’ jikkordina s-salvataġġ tan-nies li jispiċċaw f’diffikultà f’nofs ta’ baħar sabiex ma jintilfux il-ħajjiet. L-istqarrija tkompli tispjega illi Dr Delia qal li “wara li jsirilhom l-iskrutinju meħtieġ, minħabba ċ-ċokon u d-densità tal-popolazzjoni tagħna, l-immigranti li jiġu salvati, u li jinstab li għandhom id-dritt għall-ażil, ma jibqgħux hawn iżda jmorru immedjatament f’pajjiżi oħra.”

Mill-banda l-oħra l-Partit Laburista qal li b’din l-istqarrija l-Kap tal-PN iddefenda “d-dikjarazzjoni tiegħu li jrid Malta ċentru tas-salvataġġ tal-immigranti fil-Mediterran” u li  “reġa’ kkonferma li jrid li Malta ‘jkun biss il-pajjiż li jista’ jikkordina s-salvataġġ’.” Skont il-PL dan jgħamel lill-pajjiżna attrajenti għat-traffikanti tal-bnedmin “u b’hekk il-pressjoni tintefa’ kollha fuqna, l-iżgħar pajjiż tal-Unjoni Ewropea.”

Minn naħa tiegħu il-PN akkuża lill-Gvern li m’għandux pjan għall-immigrazzjoni u li dan in-nuqqas ta’ pjan qed iħalli effett negattiv fuq il-komunitajiet tagħna u f’setturi oħra bħall-pagi, l-prezzijiet, il-kirjiet, l-infrastruttura u t-traffiku. Għall-PN il-Prim Ministru għandu jara kif se jibda’ jsolvi dawn il-problemi li qed joħloq “hu stess biż-żieda fl-immigrazzjoni bla pjan għax qed ikabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni minflok bil-produzzjoni u mhux jinħela fi spin u jdawwar id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.”

Iżda għall-PL “Delia qed juri li m’għandux l-esperjenza u l-għerf politiku biex jiffaċja sitwazzjonijiet bħal dawn anke għax fi ftit sigħat idur minn pożizzjonijiet tal-lemin estrem għal oħrajn li jagħmlu lil Malta kalamita għat-traffikanti tal-bnedmin.”

F’risposta għar-risposta tal-PL, il-PN qal li “huwa l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Gvern Laburista li huma l-kalamita għall-immigrazzjoni … għaliex iddeċieda li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni u mhux bil-produzzjoni u ġab 70,000 elf immigrant lejn Malta. Issa qed jgħid li se jibqa’ jġib 15,000 immigrant ieħor fis-sena.”