Immigrazzjoni: Bil-vapuri l-kbar t-traffikanti jaqilgħu €4miljun kull darba

Din ix-xitwa tefgħet dawl fuq kemm it-traffikanti tal-bnedmin irfinaw in-negozju.  Il-maltemp u l-mewġ qawwi m’għadhomx ibeżżgħuhom. 
Jekk fl-aħħar 10 snin hemm miktub iswed fuq l-abjad li matul ix-xitwa tonqos sew l-immigrazzjoni irregolari, bil-metodi l-ġodda li qed jużaw it-traffikanti jidher li l-immigrazzjoni se tkun problema tul is-sena kollha. 
Is-salvataġġ ta’ mijiet ta’ immigranti minn fuq il-bastimenti Ezadeen u Blue Sky M fil-jiem li għaddew tefa’ dawl fuq kemm it-traffikanti pperfezzjonaw xogħlhom.  Daqshekk dgħajjes żgħar iżda bastimenti twal 75 metru mimlija nies maħruba. 
Minn fuq il-Blue Sky M ġew salvati kważi 800 immigrant waqt li nhar it-Tnejn, mill-bastiment Ezadeen ġew salvati kważi 350 persuna.  Il-bastimenti qed jitilqu mill-port ta’ Mersin fix-xlokk tat-Turkija, ippakkjati bl-immigranti iżda mingħajr membri tal-ekwipaġġ.
L-Ammirall tal-Guardia Costiera Taljana, Giovanni Pettorino, qal li t-traffikanti qed jixtru bastimenti li jiswew bejn €84,000 u €126,000 u jimluhom b’mijiet ta’ persuni, ħafna minnhom Sirjani, li lesti jħallsu €5,000 kull wieħed biex jitilqu mit-Turkija għall-Ewropa.
Biljett ta’ vapur li se jiltaq mit-Turkija jiswa tliet darbiet aktar minn dak ta’ dgħajsa li titlaq mil-Libja, prezz li l-immigranti huma lesti jħallsu.
Sostna li minn kull vjaġġ, it-traffikanti qed jirnexxielhom jagħmlu mal-$4 miljun profitt u għalhekk ma jaħsbuhiex darbtejn jaqbżu mill-vapur u jħalluh ibaħħar waħdu.
Il-Kap tal-Analiżi tal-Ħidma tal-Frontex, Antonio Saccone qal li l-użu ta’ bastimenti kbar juri kemm sar aktar b’saħħtu t-traffikar tal-persuni u li l-kosti tal-Mediterran jinsabu fi kriżi serja. 
Mill-1 ta’ Novembru li għadda, meta waqaf Mare Nostrum u Frontex bdiet tħaddem l-Operazzjoni Triton, ġew salvati 11,400 immigrant, b’10,000 minnhom f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. 
Il-Frontex qalet li s-sena 2014 tista’ tibqa’ mfakkra bħala s-sena fejn it-traffikar tal-bnedmin fuq il-baħar sar tul is-sena kollha u dan ghaliex l-għajnuna li tat matul din ix-xitwa għad ma kelliex preċedent.