“Immigranti trattati daqslikieku għamlu reat”

Read in English.

Ir-residenti tal-Paloma Hotel ma tkeċċewx hekk kif il-Qorti laqgħet b’mod temporanju t-talba għall-mandat ta’ inibizzjoni. It-talba saret mill-avukat Edward Gatt li qed jidher għal Christopher Drago f’isem sid il-binja.

AQRA: Il-Pulizija żgassaw biex jidħlu; Il-Qorti twaqqaf tas-Saħħa Pubblika milli jissiġillaw il-Paloma Hotel

Il-binja kienet tintuża minn koppja Russa bħala Russian Boarding School, qabel ma nbidlet f’appartamenti mikrija lill-immigranti minn diversi pajjiżi, fosthom in-Niġerja, l-Indja, u l-Ghana.

Kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa qalet li fil-każ ta’ dik li kienet il-Paloma Hotel, id-Direttorat tas-Saħħa aġixxa wara li rċieva xi rapporti. Spjegat li notifiki ta’ emerġenzi ta’ saħħa pubblika jinħarġu skont l-Att ta’ Saħħa Pubblika meta jiġi identifikat riskju.

Is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar fuq Facebook kiteb “pressure paying off; well done” u magħha ppostja artiklu dwar ir-rejd. F’kummenti li ta lil inewsmalta.com, Grima spjega li wara li laħaq sindku rċieva l-ilmenti dwar il-post. Ġie rrappurtat li Grima qal li mar hu stess fuq il-post biex jara x’inhi s-sitwazzjoni u sab li l-ammont ta’ skart li kien qed jinħareġ matul il-ġurnata kien jindika li fil-post kien hemm jgħixu ħafna nies.

Newsbook.com.mt staqsa lill-Ministeru għas-Saħħa x’tip ta’ rimedju għandha persuna meta jitwaħħal dan l-avviż iżda l-kelliema wieġbet biss li l-avviż jitneħħa meta l-awtoritajiet tas-saħħa jiddikjaraw li ma baqax iktar riskju. Dwar jekk l-Istat għandux l-obbligu li jsib akkomodazzjoni alternattiva lill-persuni li jintlaqtu minn avviż bħal dan, il-kelliema qalet li huwa d-dmir ta’ dawk li jkun inħareġ avviż kontrihom biex jirrimedjaw.

“Kissru biex daħlu ġewwa” – residenti

Għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt dwar jekk hux normali li jintbagħtu l-Pulizija f’każ ta’ infestazzjoni ta’ ġrieden jew wirdien, il-kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa qalet li l-Pulizija ntalbet tassisti f’każijiet simili minħabba diversi raġunijiet fosthom dawk ta’ sigurtà tal-uffiċjali tal-awtoritajiet tas-saħħa u anki biex jassiguraw li l-ebda liġi mhi tinkiser.

 AQRA: Jinħarġu minn blokka appartamenti f’Buġibba madwar 80 immigrant

Meta Newsbook.com.mt tkellem mar-residenti tal-Paloma Hotel, huma lmentaw li l-Pulizija ma ħabtux il-bibien fir-rejd li sar mas-sebħ, iżda żgassaw u kissru biex daħlu ġewwa. Skont il-Kodiċi Kriminali tal-liġijiet ta’ Malta, il-Pulizija tista’ biss tidħol mingħajr mandat meta għandha suspett raġonevoli li qed isir xi reat u tiżgassa bibien biss wara li jhabbtu u jitolbu ingress.

F’kuntatt li Newsbook.com.mt għamel mal-Pulizija, dwar kemm-il persuna tkeċċiet minn darha f’sitwazzjoni simili, il-Pulizija qalet li hi ma tistax tkeċċi n-nies minn djarhom. Din il-kamra tal-aħbarijiet staqsiet ukoll fuq liema bażi l-Pulizija daħlet f’Paloma Hotel, iżda sal-lum din il-mistoqsija għadha ma ġietx imwieġba.

“L-azzjoni tista’ titqies populista u razzist”

Il-Fondazzjoni Aditus li taħdem fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, f’kummenti li tat lil Newsbook.com.mt qalet li għal darba oħra seħħ rejd fejn immigranti li allegatament kienu qed jgħixu f’kundizzjonijiet ħżiena, ġew trattati daqslikieku għamlu reat. L-assistent direttur tal-aditus l-avukat Carla Camilleri saħqet li jekk ir-rejd fuq il-propjetà sar minħabba l-kundizzjonijiet sanitarji, ma kellhomx ibatu r-residenti iżda sid il-post mingħand min kienu qed jikru. Hi sostniet li rejd fis-sitta ta’ filgħodu meta n-nies ikunu għadhom reqdin jista’ jitqies eċċessiv u sproporzjonat, biex isiru kontrolli ta’ saħħa u sigurtà fuq propjetà u jiċċekkjaw id-dokumenti.

L-avukat Camilleri spjegat li kif l-awtoritajiet qed jagħżlu lil min iqisu kriminal, bl-azzjoni li jieħdu, tista’ titqies populista u razzista. Temmet tgħid li dawn it-tip ta’ azzjonijiet ma jsolvu xejn u jfisser li se tkompli tikber il-komunità ta’ nies li qegħdin f’riskju kbir li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.

Persuni minn barra l-Unjoni Ewropea b’permess ta’ residenza u persuni li jgawdu minn protezzjoni internazzjonali li tinħareġ minn Stat Membru ieħor, jistgħu jibqgħu f’Malta għal perjodu ta’ 90 jum. Dawn il-persuni ma għandhomx dritt li jibqgħu Malta b’mod permanenti jew li jaħdmu b’mod legali f’Malta.

Persuni li jinqabdu Malta wara li jgħaddu d-90 jum, għandhom imorru lura għall-Istat membru li jkun tahom ir-residenza jew il-protezzjoni internazzjonali. F’każ li dan ma jiġrix, l-awtoritajiet jistgħu jiddeċiedu li jibagħtuhom lura. Meta jiġri dan, l-awtoritajiet iridu jsegwu proċedura bażika, bħal jagħtu r-raġuni bil-miktub għaliex qed jintbagħtu lura, jipprovdu l-informazzjoni b’mod ċar u jagħtu ċans lill-persuna tappella. Ikun hemm ukoll salvagwardji f’ċertu sitwazzjonijiet speċifiċi meta jinvolvu persuni vulnerabbli, minuri u familji. Meta l-awtoritajiet ikunu qed jimplimentaw dawn il-proċeduri huma obbligati josservaw il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem.

“Li tkeċċi n-nies minħabba kundizzjonijiet ħżiena hu ‘l bogħod mid-dmir tal-Istat għal housing adekwat” 

Newsbook.com.mt tkellem ukoll mad-Direttur tal-Jesuit Refugee Services, l-avukat Katrine Camilleri, li qalet li każi bħal dawn juru realtà moħbija f’Malta. Hi sostniet li r-realtà ta’ ħafna minn dawn in-nies, uħud minnhom immigranti, qed ikollhom jgħixu f’kundizzjonijiet ħżiena għax minkejja li jaħdmu ma jlaħħqux mal-ħajja.

Fakkret li l-aċċess għall-housing adekwat huwa dritt bażiku, u li huwa l-obbligu tal-Gvern li jassigura li kulħadd igawdi minn dan id-dritt. L-avukat Katrine Camilleri saħqet li jitkeċċew in-nies minħabba li jkunu jgħixu f’kundizzjonijiet ħżiena u mhux sanitarji, huwa ‘l bogħod mid-dmir tal-istat li jassigura li kulħadd għandu aċċess għall-housing adekwat.

Id-Direttur tal-JRS żiedet tgħid li l-Istat għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jindirizza l-kriżi li hemm fil-housing. Bħala eżempju semmiet ir-regolarizzazzjoni tas-suq tal-kiri biex jiġi assigurat li d-drittijiet tal-kerrejja huma protetti u li s-sidien tal-propjetà ma jgħollux il-kirijiet bi prezzijiet esaġerati jew jibdlu l-kera skont kemm jaqblilhom. Hi stqarret li huwa essenzjali li kull ħaddiem jirċievi salarju biex jgħix b’mod dinjituż.

Dwar ir-rejd, Katrine Camilleri qalet li minn dak li qrat fil-midja, il-mod kif sar qajjem ħafna mistoqsijiet, speċjalment meta r-residenti li huma immigranti tqajmu mill-Pulizija li qabdu u daħlu b’mod vjolenti fil-kmamar tagħhom. Żiedet tgħid li filwaqt li l-awtoritajiet għandhom id-dritt u d-dmir li jassiguraw li l-liġi qed tinżamm, huma obbligati wkoll li jagħmlu dan b’tali mod li jirrispetta d-drittijiet u d-dinjità ta’ dawk kollha involuti f’kull ċirkostanza. Sostniet li l-persuni li kienu joqogħdu hemm ma wettqux reat iżda ma għandhomx flus biex ikunu jistgħu jikru aħjar. Camilleri saħqet li f’każijiet bħal dawn, meta persuna titkeċċa minn darha, għandha tiġi trattata b’rispett u tingħata l-assistenza meħtieġa biex jiġi assigurat li dawn ma jispiċċawx ta’ fuqhom senduqhom.

“Għandu jingħata ammont minimu ta’ żmien biex fih isiru arranġamenti alternattivi minn dawk affettwati”

Katrine Camilleri żiedet tgħid li skont ma ħareġ fil-midja kien ċar, li l-ħidma li saret dwar is-sanità u l-liġijiet tal-immigrazzjoni, kien se jkollha effett fuq għadd kbir ta’ nies li jgħixu f’kundizzjonijiet prekarji. Hi staqsiet jekk kellux ikun hemm l-aġenziji tal-ħarsien soċjali, kemm fi stadju ta’ ppjanar kif ukoll waqt li twettqet il-ħidma. Stqarret li filwaqt li l-Istat jista’ jkun li mhux f’pożizzjoni li jipprovdi akkomodazzjoni alternattiva, għandu d-dmir li jieħu ħsieb il-persuna speċjalment fil-konfront tal-ifqar u l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.

Id-Direttur tal-JRS saħqet li hemm xi ħaġa “fundamentalment ħażina” dwar kif qed isiru dawn ir-rejds, fejn il-persuni jitkeċċew minħabba li l-bini ma jkunx tajjeb biex jgħixu fih, iżda jħallu lil dawk affettwati jgħixu fit-toroq. Dan qed iwassal biex il-persuni jkunu iktar vulnerabbli għall-isfruttament u l-abbuż. Hi saħqet li jekk l-awtoritajiet iridu jkeċċu lil kulħadd minn binja, il-persuni involuti ma għandhomx jispiċċaw fit-toroq mingħajr avviż. Żiedet tgħid li hemm bżonn ammont minimu taż-żmien biex dawk milquta jagħmlu arranġamenti oħra.