Immigranti: Repubblika b’denunzji fil-konfront tal-PM u l-AFM

SeaWatch

Read in English.

Repubblika llum daħħlet żewġ denunzji għand il-Kummissarju tal-Pulizija wara allegazzjonijiet li qalu li patrol boat tal-Forzi Armati ta’ Malta poġġew ħajjet grupp ta’ immigranti f’periklu fuq il-baħar.

Fi stqarrija Repubblika qalet li l-ewwel denunzja hi fil-konfront tal-ekwipaġġ tal-patrol boat tal-Forzi Armati P52. Dan hekk kif skont rapporti fil-mezzi internazzjonali, membru tal-ekwipaġġ tela’ fuq dinghy tal-immigranti u qatgħalhom il-cable tal-magna. Ġie allegat ukoll li kien hemm xi ħadd Malti li qalilhom li Malta ma tridhomx. Din l-allegazzjoni qatt ma ġiet miċħuda la mill-Forzi Armati u lanqas mill-Gvern. Eventwalment il-gvern ordna li l-passiġġieri li kienu fuq id-dinghy jiddaħħlu Malta u issa qegħdin jinżammu fi kwarantina.

Repubblika qalet li jekk l-allegazzjonijiet huma veritieri allura l-aġir tal-ekwipaġġ ta’ P52 jidher li wettaq attentat ta’ omiċidju li ma wassalx għall-mewt għax issewwa wara ordinijiet differenti mill-gvern. Insistiet li dan l-att jeħtieġ ikun investigat skont il-liġi.

Repubblika qalet li bl-istess mod għandhom jiġu investigati l-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Armata Jeffrey Chetcuti li huma s-suġġett tat-tieni denunzja tal-għaqda. Ġie spjegat li kemm Abela kif ukoll Chetcuti kienu infurmati b’persuni fil-periklu li jmutu fuq il-baħar għal jiem sħaħ u b’egħmilhom jew bin-nuqqas ta’ azzjoni f’waqtha ħallew għexieren ta’ persuni f’riskju li jmutu. Repubblika qalet li dan wassal sabiex 12-il persuna mietu bil-għatx, jew eżawriti jew mgħarrqa “b’konsegwenza tad-deċiżjonijiet tal-Prim Ministru u tal-Kap tal-Armata.”

Repubblika qalet li qed tieħu din l-azzjoni biex tfittex ġustizzja għal min sofra l-inġustizzja tal-mewt abbundunat fil-baħar. Repubblika qalet li trid li ssir ġustizzja wkoll mal-membri tal-Forzi Armati li taw servizz qalbieni u ġeneruż kull darba li salvaw ħajjiet in-nies mitlufa fl-ibħra viċin Malta. Qalet li matul is-snin Malta u s-suldati tagħha wettqu dmirhom u kemm-il darba salvaw nies fil-periklu tal-mewt. Insistiet li mhux sew li x-xogħol kuraġġjuż ta’ dawn il-ġenerazzjonijiet ta’ suldati jiċċappas b’dak li hu allegat li ġara fl-ibħra Maltin fl-aħħar jiem.

Repubblika kienet rappreżentata mill-Avukati Jason Azzopardi, Andrew Borg Cardona u Paul Borg Olivier.