“Immigranti mill-Lifeline għall-Belġju” – PM

Grupp ieħor t’immigranti li żbarkaw minn fuq il-bastiment tas-salvataġġ MV Lifeline jinsabu fi triqthom lejn il-Belġju. Dan wara ftehim li sar mal-Unjoni Ewropea.

Il-Prim Ministru (PM) Joseph Muscat ħabbar dan fuq Twitter, u tella’ ritratt tagħhom telgħin fl-ajruplan.

Dan mhux l-ewwel grupp li telaq għal pajjiż ieħor minn Malta. Daqs ġimgħa u nofs ilu, telaq grupp għan-Norveġja. Apparti minn hekk, 51 mill-immigranti li waslu Malta abbord il-bastiment Lifeline kienu telqu għal Franza. Grupp ieħor ta’ immigranti li ġew Malta fuq il-bastiment Lifeline, marru lejn il-Lussemburgu. 

Wara li kienu għamlu sitt ijiem bejn sema u ilma, il-234 immigrant abbord il-bastiment MV Lifeline, tħallew jidħlu Malta fis-27 ta’ Ġunju. Dan wara li l-PM saħaq li Malta ma kelliex obbligu biex toħodhom, iżda ħadithom fuq bażi umanitarju. Issa, qed jitqassmu l-passiġġiera bejn numru ta’ Stati Membri Ewropej.