Immigranti jsostnu li d-detenzjoni mhix se twaqqafhom milli jiġu fl-Ewropa

Hekk kif l-għaqdiet li jaħdmu favur id-drittijiet tal-bniedem qed jappellaw lill-Gvern Malti biex ineħħi s-sistema tad-detenzjoni għall-immigranti.

Immigranti li jgħixu Malta u tkelmu fi studju li sar mill-Universita’ ta’ Oxford dwar id-detenzjoni, sostnew li din is-sistema mandatorja mhix ta’ deterrent għall-immigranti irregolari.

Immigrant mill-Kosta tal-Avorju ġie kkwotat jgħid li meta kien jgħix f’pajjiżu ma kienx jaf b’Malta.

Meta wasal il-Libja, il-Libjani tkellmu miegħu dwar Malta u kif pajjiżna huwa membru tal-Unjoni Ewropea u pajjiż Ewropew.

Dan jista’ jindika li mhux neċessarjament Malta hi fost il-preferenza tal-immigranti.

L-istudju juri l-immigranti jkunu jridu jmorru pajjiżi oħra bhall-Italja u Franza.

Immigrant ieħor ġie kkwotat jgħid li d-detenzjoni mhix se twaqqaf lill-immigranti milli jirriskjaw ħajjithom lejn l-Ewropa.

Qal li d-detenzjoni tista’ ddum is-snin għaliex l-immigranti jippreferu jagħmlu snin f’ċella u jkunu jafu li wara se jkunu ħielsa u jistgħu jibdew ħajja ġdida.

L-immigranti kollha qablu li meta jitilqu mil-Libja ma jistgħux jirritornaw għaliex il-kundizzjonijiet mhux tajbin u jiġu abbużati, imsawwta u sfruttati.