Immigranti: Jiżdiedu l-imwiet, jonqsu l-wasliet

Skont in-Nazzjonijiet Uniti minkejja li l-għadd ta’ immigranti li ġejjin lejn l-Ewropa naqas, l-imwiet kulma jmur dejjem qed jiżdiedu.
L-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Magħquda għar-Refuġjati (UNHCR)  qalet li s-sena l-oħra kien hemm rekord ta’ mwiet ta’ immigranti. Spjegat li din is-sena diġà kważi nlaħaq dan ir-rekord.  Is-sena l-oħra mietu aktar minn 5,000 immigrant.
Hija qalet li fuq livell politiku, l-Ewropa qed tkompli tiddiskuti l-liġi tal-ażil. Żiedet tgħid li t-trattat ta’ Dublin baqa’ mhux mittiefes għax permezz tiegħu għadd ta’ pajjiżi jistgħu ma jerfgħu l-ebda responsabbiltà tal-immigranti li qed jaslu fl-Ewropa.
F’intervista fuq il-gazzetta La Stampa, il-Ministru Franċiża għall-Affarijiet Ewropej, Nathalie Loiseau qalet li l-Ewropa trid issaħħaħ u ttejjeb is-sistema tagħha għall-immigranti. Spjegat li l-problema hija nuqqas ta’ armonizzazzjoni fir-regoli tal-ażil. Saħqet li l-Ewropa trid tagħti dak kollu li hu meħtieġ lill-pajjiżi biex juru aktar solidarjetà. Sostniet li mhux aċċettabbli li hawn pajjiżi li ma jħossuhomx obbligati li juru solidarjetà.