Immigranti jingħataw taħriġ fil-ġardinaġġ

Matul dawn l-aħħar xhur, is-sezzjoni tal-Università tal-Ġonna Botaniċi tal-Argotti għal darb’oħra offriet taħriġ tal-ġardinaġġ u l-ortikultura għar-refuġjati kif ukoll għal dawk kollha li qed ifittxu ażil. 
Dan il-proġett ġie ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Fond Ewropew għar-Refuġjati.
Il-kors ġie mqassam fuq tliet livelli, minn dak bażiku sal-livell avvanzat b’kull livell jieħu madwar għaxar ġimgħat biex jitlesta.
Ir-refuġjati miċ-ċentri miftuħa kollha ġew mistiedna jieħdu sehem, bl-akbar numru ta’ parteċipanti kien minn wieħed miċ-ċentri miftuħa ġewwa Ħal Far.

Il-qofol tal-lezzjonijiet kien jittratta il-kura tal-pjanti f’ambjent ta’ ġonna lokali, kif ukoll l-użu ta’ diversi metodi biex jiġu mkattra l-pjanti, iż-żbir, u l-identifikazzjoni u l-prevenzjoni ta’ mard differenti fil-pjanti.
Huma ngħataw l-opportunità li jżommu ġnien żgħir fiċ-ċentri tagħhom sabiex jieħdu ħsiebu fil-ġranet meta ma jkunux qed isegwu l-lezzjonijet.
Il-kors spiċċa uffiċjalment fl-aħħar ta’ Ġunju, li nzerta mat-tmiem tal-proġett ’HORTES’.
Fiċ-ċeremonja tal-għeluq li ttellgħet ġewwa l-Argotti, l-istudenti rċevew ċertifikati ta’ attendenza għall-livelli ta’ korsijiet li kienu attendew għalihom.
Rappreżentanti tat-tim tal-Argotti kif ukoll taċ-ċentri miftuħa kienu preżenti għal din iċ-ċeremonja.