Immigranti jibdew jintbagħtu fit-Turkija b’riżultat tal-ftehim mal-UE

Żewġ bastimenti mill-Greċja waslu fit-Turkija dalgħodu bl-ewwel gruppi ta’ immigranti deportati b’riżultat tal-ftehim ta’ ftit ġimgħat ilu, bejn l-UE u t-Turkija.
Skont il-ftehim, Ankara se tieħu lura kull immigrant li jidħol fil-Greċja b’mod illegali, inkluż Sirjani, bl-UE tieħu refuġjat Sirjan għal kull persuna milqugħa lura, tipprovdi iktar flus lit-Turkija, vjaġġar mingħajr viża mit-Turkija u tgħaġġel l-applikazzjoni tal-pajjiż għal sħubija fl-UE.
Skont uffiċjali tal-Frontex, l-ewwel żewġ bastimenti ġarrew 136 immigrant, l-iktar mill-Pakistan, b’uħud mill-Bangladesh u mill-Marokk.
Fl-istess ħin, l-ewwel grupp ta’ 16-il Sirjan waslu mit-Turkija lejn il-Ġermanja.