Attakkati waqt li jkunu qed isuqu fil-Marsa

Il-Pulizija qed tinvestiga raġel li allegatament waqqaf karozza u qabeż fuqha meta din kienet għaddejja minn Triq Aldo Moro lbieraħ flgħaxija.
Il-Pulizija kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li l-każ seħħ għall-ħabta tad-8.45 ta’ filgħaxija, meta raġel barrani waqqaf karozza li kienet qed tinstaq, tela’ fuqha u beda jaqbeż fuqha, filwaqt li xi barranin oħrajn bdew iwaddbu l-ġebel lejn il-karozza.
Il-Pulizija qalet li dan r-raġel, li kien arrestat fuq il-post, irreżista l-arrest, insulenta lill-pulizija li arrestawh fuq il-post, ipprova jtellifhom waqt li kienu qed isuqu lejn l-għassa, u fl-għassa baqa’ jgħajjarhom.
Intalbet ukoll l-assistenza ta’ tabib għaliex il-bniedem ma kienx qed jaġixxi b’mod normali. Hu jinsab arrestat u l-istħarriġ għadu għaddej.
Newsbook.com.mt tkellem ukoll mal-persuna li kienet vittma ta’ dan l-attakk, li spjegat kif waqt li kienu qed isuqu f’Aldo Moro lejn Raħal Ġdid, hi u l-għarus tagħha raw immigrant f’nofs ta’ triq u waqqfu biex ma jtajruhx.
Dak il-ħin hu tela’ fuq is-saqaf tal-karozza u beda jaqbeż. Meta l-mara ħarġet mill-karozza hu pprova jattakkaha u beda jgħajjat kliem kontra Malta.
Saħqet li dak il-ħin persuni oħra bdew iwaddbulhom il-ġebel lejn il-karozza. Qalet kif hi u l-għarus tagħha sofrew minn xokk kbir u l-karozza ġarrbet ħsara li ma tistax titranġa.
Irrakkontat ukoll kif każ simili kien diġà ġralhom f’Diċembru li għadda meta kienu qegħdin ħdejn it-traffic lights ta’ ħdejn l-Addolorata, iżda dakinhar ma kinux għamlu rapport.
Il-mara qalet li ma jidhirx li l-immigranti riedu jisirquhom iżda donnhom riedu jwasslu messaġġ li mhumiex kuntenti f’Malta.
Qalet li fl-għassa tal-Pulizija r-raġel anke beda jigdem lilu nnifsu.