L-Isqfijiet dwar l-Immigranti: il-mexxejja jieħdu r-ritratti, il-ġemgħa ċċapċap, u ma jsir xejn

L-Isqfijiet Maltin fakkru f’dak li qal il-Papa Franġisku fl-2014 meta żar il-Parlament Ewropew: “tħallux li l-Mediterran isir ċimiterju tal-immigranti”.
Dan b’referenza għal traġedja oħra li seħħet ftit tal-jiem ilu, fejn immigranti mietu fil-Mediterran waqt li kienu qed ifittxu ħajja aħjar.
Filwaqt li fi stqarrija faħħru l-intervent immedjat li sar sabiex it-traġedja ma tikbirx, l-isqfijiet saħqu li l-wegħdiet tal-mexxejja tal-pajjiżi Ewropej biex jaffrontaw il-bżonnijiet tal-immigranti u r-refuġjati mhumiex b’saħħithom biżżejjed.
Spjegaw kif filwaqt li l-pajjiżi jiddiskutu l-Prodott Gross Domestiku u l-flus fl-idejn, hemm riskju li l-foqra jibqgħu foqra.
B’referenza għal-istess żjara tal-Papa fl-2014, ifakkru fil-kliem ta’ kuraġġ sabiex l-Ewropa ma tinbeniex biss fuq l-ekonomija iżda wkoll “fuq il-qdusija tal-persuna umana”.
“Naraw mexxejja jehdew u jitbissmu jieħdu r-ritratti tal-okkażjoni u ġemgħat iċapċpu quddiem diskorsi sbieħ, u donnu kollox jieqaf hemm,” komplew jgħidu.
L-isqfijiet irrimarkaw li l-Papa Franġisku kellu raġun meta kkundanna “l-indifferenza globali” meta żar il-gżira ta’ Lampedusa fl-2013, abbażi tal-abbuż tal-foqra u t-traġedji kontinwi fil-Mediterran u nħawi oħra tad-dinja.
Jispjegaw kif fil-messaġġ tal-okkażjoni tal-Ewwel Jum Dinji tal-Foqra, il-Papa kompla jgħid li “jekk nixtiequ noffru sehemna b’mod effikaċi għall-bidla tal-istorja, u nġibu l-iżvilupp veru, jeħtieġ nisimgħu l-karba tal-foqra u nħabirku biex nerfgħuhom mill-qagħda tagħhom ta’ emarġinazzjoni.”
Il-kliem tiegħu, jisħqu l-isqfijiet, jgħodd kemm għall-komunità politika, għas-soċjetà ġenerali u anke għall-Knisja u jirreferu għall-bqija tad-diskors tal-Papa li jgħid li kull komunità tal-Knisja li ma’ tħabrikx sabiex il-foqra jgħixu b’dinjità u kulħadd iħossu inkluż, tkun qed tirriskja li tisfaxxa fix-xejn.
Għal din ir-raġuni, il-Knisja f’Malta u Għawdex laqgħet l-istedina għal-laqgħ mill-Konferenza Episkopali Taljana sabiex il-karba u t-tama tal-foqra li qed jegħrqu u jindifnu fil-Mediterran tispiċċa.