Immigranti: “Il-Mediterran sar deżert blu li jaħsad il-ħajjiet” – Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-baħar Mediterran sar qisu deżert blu li fih bosta persuni qed jitħallew imutu minħabba l-battibekki bejn pajjiżi Ewropej.

Dan qalu meta tkellem ma’ The Malta Independent dwar il-kriżi tal-immigrazzjoni u dwar x’jaħseb minn kif qed jaġixxu l-pajjiżi Ewropej billi jitolbu l-Gwardjani tal-Kosta Libjana sabiex iwettqu aktar ħidmiet ta’ salvataġġ minkejja l-abbuż li qed jiġi rrappurtat.

L-Arċisqof sostna li l-Unjoni Ewropea trid tagħmilha ċara lill-awtoritajiet Libjani li għandhom jirrispettaw l-aqwa prassi fil-ħidmiet ta’ salvataġġ filwaqt li juru solidarjetà mar-refuġjati.

Spjega li l-informazzjoni aneddotali li tibgħat il-Libja ma jidhirx li hi aħbar tajba u irrimarka li din hija parti mill-politika u r-responsabbiltà umana li l-gvernijiet Ewropej iridu jaqsmu.

L-Arċisqof insista li l-kelma solidarjetà hija importantissima u għaldaqstant wieħed ma jistax jirrifjuta li juri solidarjetà ma’ persuni li jinsabu fil-periklu li jgħerqu u żied jgħid li hemm bżonn li dan iseħħ minn pajjiżi oħra. Hawnhekk irrimarka li jaqbel mal-Gvern meta jitkellem dwar l-importanza li Malta tkun xempju tas-solidarjetà.