ll-Prim Ministru Robert Abela ma qalx jekk il-ħaddiema tal-vapuri tal-Captain Morgan, li għandhom l-immigranti fuqhom, humiex qed jitħallsu mill-Gvern.
Fil-Parlament, meta mistoqsi mid-deputat Nazzjonalista Mario Galea, il-Prim Ministru rrefera lill-interpellant għat-tweġiba li ta l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri għall-mistoqsija parlamentari tal-MP tal-Oppożizzjoni Robert Arrigo.
Dr Camilleri stqarr li Malta temmen li m’għandhiex titħalla waħedha mill-Unjoni Ewropea inkluż fiċ-ċirkostanza li l-Gvern kellu jikri żewġ vapuri tal-Captain Morgan biex jakkomoda fuqhom għadd ta’ immigranti llegali. Il-Ministru qal li għalhekk hemm proċess biex jintużaw fondi tal-Unjoni Ewropea għal dan il-għan.
Robert Arrigo staqsa kif intgħażlet din il-kumpanija partikulari tal-bastimenti u liema tenders inħarġu biex ikopru dawn l-ispejjeż. Staqsa wkoll jekk il-Gvern ħallasx diġà għal dan is-servizz.