Immigranti bejn sema u ilma; “Malta lanqas twieġeb it-telefown”

Read in English.

Filwaqt li grupp ta’ 23 immigrant jinsabu bejn sema u ilma jittamaw li xi ħadd joffrilhom port ta’ sigurtà, skont l-għaqda Alarm Phone, “Malta lanqas biss twieġeb it-telefown”.

Ilbieraħ kien irrappurtat kif kien hemm 23 persuna f’periklu fuq dgħajsa fiż-żona ta’ salvataġġ ta’ Malta. Fuq Twitter Alarm Phone kienet qalet li talbet l-għajnuna tal-awtoritajiet Maltin u Taljani. Saħqet li tispera li jiġu salvati malajr peress li hemm id-dlam fuq il-baħar.

Ftit tal-ħin wara, l-istess immigranti kienu qalu li l-magna tad-dgħajsa li kienu fuqha waqfet taħdem. Alarm Phone spjegat permezz ta’ Tweet li dawn l-immigranti kienu ħarbu minn Zuwara fil-Libja. Qalet li wara li waqfet taħdem il-magna beda dieħel l-ilma abbord. Spjegat ukoll li l-immigranti kienu eżawriti.

L-għaqda għamlet kuntatt kemm ma’ Malta kif ukoll mal-Italja, iżda dawn l-immigranti baqgħu ma kinux salvati.

Jidher li matul il-lejl, l-istess grupp ta’ immigranti rnexxielhom iħaddmu l-magna tad-dgħajsa u jkomplu bil-vjaġġ tagħhom. Issa huma jinsabu qrib Lampedusa, iżda jidher li Ruma qed tirrifjuta li dawn jitħallew jidħlu. L-għaqda qalet li Malta lanqas biss qed twieġeb it-telefonati.

“Il-baħar imqalleb. Imbeżżgħin,” qalu l-grupp ta’ immigranti lil Alarm Phone.

L-għaqda għajtet mill-ġdid għas-salvataġġ tagħhom.