Immigranta li salvat titkellem dwar l-imwiet bejn sema u ilma

Newsbook.com.mt jista’ jiżvela esklussivament parti minn dak li ntqal minn waħda mill-persuni li salvat iżda rritornat lura l-Libja wara ordni tal-pushback li ngħatat mill-Gvern Malti lura f’April li għadda.

Il-persuna li rnexxielha ssalva kienet abbord dinghy li kien jinsab fit-territorju Malti għal diversi jiem il-ġimgħa li fiha ġie ċċelebrat l-Għid il-Kbir. Din il-persuna spjegat li dawk salvati ttellgħu abord il-lanċa tas-sajd Mae Yemenja u ħafna minnhom kienu dgħajfa ħafna biex ikunu jistgħu jieklu u jixorbu. Il-lanċa tas-sajd sal-2019 kienet irreġistrata f’Malta, madankollu tul l-aħħar sena ġiet irreġistrata l-Libja.

In-nies li ġew salvati kienu telqu mil-Libja fid-9 t’April u damu madwar ħamest ijiem sakemm ittellgħu abbord il-lanċa tas-sajd Mae Yemenja fl-14 t’April. Id-dgħajsa ntlemħet diversi drabi fl-ibħra territorjali Maltin, iżda bir-riħ inġarret aktar minn 80 mil nawtiku ‘l barra mill-ibħra territorjali Maltin.

Testimonjanzi konflinġenti

Skont xhud li kien abbord il-bastiment Mae Yemenja fit-testimonjanza tiegħu fl-inkjesta li kienet immexxija mill-Maġistrat Joe Mifsud, seba’ persuni kienu nstabu mejta fil-ħin li ġew salvati dawn il-persuni. Huwa żied li ħamsa minn dawn il-persuni ttellgħu abbord il-bastiment u ż-żewġ persuni oħra għerqu mad-dinghy.

Min-naħa tagħhom il-persuni salvati qalu li tliet persuni mietu fuq il-lanċa tas-sajd huma u sejrin lura l-Libja. Żiedu li s-sebgħa persuni qatt ma ttellgħu mill-baħar.

Il-persuna li Newsbook.com.mt għandha r-rikording tagħha qalet li ħafna minn dawk salvati kienu jinsabu wisq dgħajfa biex jieklu u żiedet li ħafna minnhom kellhom bżomm attenzjoni medika minħabba li għamlu diversi ġranet esposti għall-elementi, kienu jinsabu f’nuqqas kbir ta’ xorb u kienu ilhom ma jieklu kważi ġimgħa.

Skont l-inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Joe Mifsud, ħadd mill-ħaddiema abbord il-lanċa tas-sajd Mae Yemenja ma talab għall-għajnuna medika.

Skont rapport li deher fuq il-blogg ta’ Manuel Delia, persuna oħra li salvat qalet li l-ħames persuni mejta ma ttellgħux kollha minn fuq id-dinghy iżda li tlieta minnhom mietu huwa u sejrin lura l-Libja. Din l-informazzjoni qatt ma ħarġet fl-inkjesta li kienet immexxija mill-Maġistrat Joe Mifsud.