Immigrant jispiċċa l-ħabs wara li pprova jaħrab minn Malta

Raġel li pprova jaħrab minn Malta fuq katamaran sejjer lejn Sqallija weħel sentenza ta’ sitt xhur ħabs.

Is-Sudaniż ta’ 24 sena ġie arrestat kmieni lbieraħ filgħodu meta nstab li kien qed jipprova jaħrab mill-Gżejjer Maltin. Huwa residenti fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far.

Kien qiegħed mal-art ta’ trakk li kien tiela’ fuq il-katamaran għal Sqallija fil-Marsa.

Tressaq il-qorti lbieraħ stess, fejn wieġeb li huwa ħati li pprova jaħrab minn Malta mingħajr passaport, u weħel sitt xhur ħabs, b’ordni tal-Maġistrat Yana Micallef Stafrace. Il-Qorti aċċettat it-talba tad-Difiża li r-raġel jikseb kura psikoloġika.