“Immaturità li l-Gvern jibqa’ jirrifjuta jagħmel monument għal Daphne” – Iċ-Chairman tal-Kunsill tal-Ktieb

Wara li ħabbar monument għall-kittieb Oliver Friggieri

Daphne Caruana Galizia memorial
Miguela Xuereb

Read in English.

Iċ-Chairman tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri qal li hija turija ta’ immaturità kbira min-naħa tal-Gvern li jibqa’ jirrifjuta li jagħmel monument għall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, wara li l-Gvern ħabbar li se jsir monument għall-kittieb mibki Oliver Friggieri.

Fuq Facebook, iċ-Chairman tal-Kunsill tal-Ktieb stqarr li hu tajjeb li l-Gvern se jagħmel monument lil Friggieri biex jiċċelebra kittieb, imma fl-istess waqt, hi aġir immatur tal-Gvern li għadu jwebbes rasu biex jagħmel monument lil Daphne Caruana Galizia li nqatlet fl-2017.

Il-Professur Oliver Friggieri miet nhar is-Sibt li għadda fl-età ta’ 73 sena. Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar jumejn ilu li inkariga lil Heritage Malta biex isir monument għal dan il-poeta, kittieb u ħassieb.

Camilleri stqarr li hu kuntent li kittieb qed jiġi ċċelebrat mill-Gvern, iżda fil-fehma tiegħu, il-Gvern m’għandux problema jagħmel monument lil Prof. Friggieri “għax ma kienx ta’ theddida għall-ebda poter f’din l-art. Ara Daphne, jibżgħu minnha.”

Huwa saħaq li l-pajjiż ma jistax ikun f’pożizzjoni li l-Gvern jiddeċiedi hu liema kittieba jiċċelebra, għax inkella “dawk li dejjem iġġieldu l-poter mhux se jiġu ċċelebrati.”

L-aħbar li se jsir monument għal Prof. Friggieri
Prof. Oliver Friggieri se jiġi mfakkar b’monument

Din il-fehma ta’ Mark Camilleri qalgħet il-kritika ta’ Jason Micallef, il-Kap Eżekuttiv tal-ONE u ċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta (VCA), li qal lil Camilleri li qed jiżloq fin-niexef b’dal-kumment. Żied jgħid, “Ma titwemminx minn persuna fit-tmexxija tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.”

Madankollu, ħafna kienu dawk li qablu ma’ Camilleri u stqarrew li għalkemm ma kinux segwaċi jew qarrejja ta’ Caruana Galizia, ma jistgħux jiċħdu l-ġid li għamlet bl-investigazzjonijiet tagħha.

Tajjeb li l-gvern ser jaghmel monument lil Oliver Friggieri biex jiccelebra kittieb imma hija turija ta immaturita kbira…

Posted by Mark Camilleri on Friday, November 27, 2020

Il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia nqatlet fis-16 t’Ottubru tal-2017. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, ma sarilhiex monument, iżda sar mafkar għaliha billi jitqiegħdu xemgħat u ritratti tagħha fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta.

Dan il-mafkar kien suġġett għal kontroversja għaliex il-Gvern kemm-il darba ordna li jitneħħew ix-xemgħat u r-ritratti. Apparti minn meta tneħħa minħabba ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Vitorja din is-sena, il-mafkar kien ilu ma jintmess minn Jannar, meta Robert Abela beda jokkupa l-kariga ta’ Prim Ministru. Fil-bidu tal-mandat tiegħu, Abela kien iddikjara li l-mafkar se jitħalla hemm wara snin jitneħħa b’ordni tal-Ministru Owen Bonnici, li dak iż-żmien kien Ministru għall-Ġustizzja.

Il-Qorti kienet sabet lill-Ministru ħati li kiser id-drittijiet umani tal-attivisti ta’ kemm-il darba ordna li jitneħħa l-mafkar.