Immanettjata t-tfajla ta’ Nas Daily; Jitilfu t-titjira lejn Malta

Dear Alyne

It-tfajla ta’ Nuseir Yassin, il-vlogger ta’ Nas Daily, ġiet immanettjata fl-ajruport ta’ Barċellona fi Spanja minħabba diżgwid li nqala’, skont dak li kitbet fi blog. Huma tilfu t-titjira li oriġinarjament kellhom jiġu biha lejn Malta.

Fil-blog tagħha, Alyne Tamir, qalet li ġiet aggredita minn uffiċjali tas-sigurtà fl-ajruport. Qalet li uffiċjal żagħżugħ u mara ta’ età akbar imbuttawa u tefgħuha mal-art. Insistiet li ma kinitx armata u li qatt ma missithom.

Tamir qalet li waqt li l-uffiċjal maskili kien qed jimmanettjaha ċċarrat il-flokk tagħha bil-manetti waqt li kienet qed twerżaq. Qalet li minkejja li kien hemm nies oħra fil-viċin, ħadd ma mar jagħtiha għajnuna.

Skont Tamir kollox beda meta nqalgħet problema bil-biljetti tagħhom. Qalet li dawn ċemplu lis-servizz tal-konsumatur tal-Air Malta biex ikellmu direttament lill-aġenti taċ-check-in desk f’Barċellona. Skont Tamir, dawn kienu psataż mal-aġent. Uffiċjal tal-ajruport imbagħad mar ħdejhom u qalilhom biex ma jkomplux jitkellmu għax inkella kien se jassigura li dawn ma jaqbdux it-titjira tagħhom lejn Malta. Dan sejjaħ għall-għajnuna tal-uffiċjali tas-sigurtà li ordnaw lil Yassin u Tamir biex joħorġu mill-ajruport.

Kelliem għall-Air Malta qal ma’ Newsbook.com.mt li l-Air Malta ma toperax titjiriet lejn Barċellona u li l-linja tal-ajru Maltija ma kellhiex x’taqsam mas-sigurtà f’dak l-ajruport.

Wara ftit huma rnexxielhom jiġbru l-boarding passes tagħhom. Meta kienu se jitilqu, Yassin ħa ritratt taċ-check-in desk fejn kien qam l-argument. Qalet li l-uffiċjali rawh jieħu r-ritratt u bdew jhedduh. Wieħed mill-uffiċjali imbotta lil Yassin anke wara li ħassar ir-ritratt li kien ħa. Tamir qalet li ppruvat tiddefendi lis-sieħeb tagħha bil-konsegwenza li l-uffiċjal qabad sidirha.

Tamir kitbet li spiċċaw iqattgħu lejlet l-Ewwel tas-Sena f’lukanda tal-ajruport minflok f’lukanda lussuża f’Malta. Qalet li huwa ta’ dispjaċir li ma setgħetx tqatta’ dan il-lejl f’Malta fejn tħossha aktar sigura. Kitbet li talbet lill-ajruport ta’ Spanja biex jiċċekja x’ġara fl-inċident permezz tal-kameras tas-sigurtà. Temmet tgħid li ppjanaw li jaqbdu titjira lejn Malta llum filgħodu.

Newsbook.com.mt ipprova jagħmel kuntatt mal-ajruport ta’ Barċellona imma għadu ma rċeviex tweġiba.

Riċentament, il-blogger li jdur id-dinja, Nas Daily ikkonferma li se jispiċċa t-tour dinji tiegħu f’Malta u għal dan qed jistieden 1,000 Malti fil-Belt Valletta.