Imkeċċi, trasferit jew għadu hemm?

Minkejja li kelliem għall-uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru qalet lil Newsbook li Neville Gafa ilu għal dawn l-aħħar sentejn ma jaħdimx fil-ministeru, screenshot li kkonferma Newsbook.com.mt juri li dan għadu mniżżel bħala impjegat tal-ministeru.

Aktar kmieni, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia talab lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne biex jagħmel stqarrija fil-parlament wara li l-ministru temm l-impjieġ ta’ Neville Gafa’. Neville Gafà qed ikun investigat wara li waqt żjara fil-Libja, kien allegat li ltaqa’ ma’ xhieda li suppost ser jixhdu kontrih f’każ dwar ħruġ ta’ Visas mediċi lil Libjani.

F’rapport f’gazzetta lokali ntqal li Neville Gafa’ kellu l-impjieg tiegħu bħala Senior Manager fi ħdan il-Fondazzjoni għas-servizzi mediċi terminat mill-ministru wara li ma kienx kuntent b’xogħolu.

Madanakollu, l-Prim Ministru Joseph Muscat dalgħodu qal li Gafa’ kellu l-impjieg tiegħu trasferit x’imkien ieħor u ddeskriva lil Gafa’ bħala persuna valida.

Fil-parlament, il-Ministru tas-Saħħa qal li ma kellux stqarrija x’jagħmel u l-ispeaker waqqaf lill-kap tal-oppożizzjoni milli jagħmel aktar rimarki peress li kien qed imur kontra l-proċeduri tal-parlament.

Intant, f’numru ta’ mistoqsijiet parlamentari magħmula mid-deputat Nazzjonalista Claudette Buttiġieġ, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne stqarr li Gafa’ ma kienx jaħdem fis-segretarjat tiegħu. Bl-istess mod wieġeb il-Ministru għall-Affarijiet  Barranin Carmelo Abela u l-Ministru għall-Affari Ewropew Helena Dalli.

Newsbook.com.mt talab lilll-uffiċċju ta’ Fearne:

“Possibbli tikkonfermali jekk:
1. Huwa veru li Neville Gafà mill-Foundation for Medical Services (FMS) ġie mkeċċi?
2. Għaliex ġie mkeċċi?
3. Min se jkun qed jieħu postu?”

Il-kelliem uffiċjali tal-ministeru wieġbet: “Is-Sur Neville Gafa ilu fil-prattika ma jaħdimx fis-segretarjat tal-Ministeru għas-Saħħa għal aktar minn sentejn. L-iżvilupp ta’ dan l-aħħar kien proċess amministrattiv sabiex jinqaleb il-kuntratt tas-Sur Gafa mill-FMS għal entita oħra u ma huwa relatat mal-ebda storja fil-media.

Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg, li għamlet diversi mistoqsijiet parlamentari dwar Gafa, ukoll ittweetjat dwar dan il-każ.