Imissna nistħu li nqasna lil Chantelle – Buttigieg

Il-Parlament illum qed jiddiskuti emendi għall-kodiċi kriminali dwar il-vjolenza domestika, fl-eku tal-każ ta’ Chantelle Chetcuti li nqatlet b’daqqiet ta’ sikkina f’rasha, allegatament mill-eks sieħeb tagħha.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis spjega li l-erba’ emendi li qed isiru jinkludu żieda fil-pieni għal reati f’każijiet ta’ biża’, li tintuża l-vjolenza li l-piena massima issa se titla’ għal sentejn, żieda għall-korruzzjoni tal-minuri, preskrizzjoni li tneħħiet f’każijiet fejn jiġu abbużati t-tfal, kif ukoll se titla’ l-età tat-tfal f’reati fuq it-traskuraġni fit-tfal, kif ukoll żieda fl-ordni għall-protezzjoni temporanja.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami beda l-intervent tiegħu billi talab li l-Parlament jagħmel minuta silenzju b’rispett lejn l-aħħar vittma tal-vjolenza domestika.

Id-Deputat Speaker Claudette Buttigieg qalet li kif Dr Lara Dimitrijevic spjegat, idejn il-parlamentari Maltin huma mċappsin bid-demm f’dan il-każ. “Imissna nistħu li lil din il-persuna nqasnieha. Jekk jerġa’ jiġri każ ieħor, naħseb li lanqas inqum biex nitkellem bil-mistħija,” hi saħqet.