Imigranta Messikana ta’ 7 snin mietet fuq il-fruntiera mal-Amerika

Messikani jinżammu fuq il-fruntiera mal-Istati Uniti

Il-Konferenza tal-Isqfijiet Amerikani dwar l-Emigrazzjoni uriet id-dispjaċir kbir tagħha għall-mewt ta’ tifla ta’ 7 snin li flimkien ma’ missierha kienet għadha kif qasmet il-fruntiera mill-Messiku lejn l-Isati Uniti.

Fi stqarrija l-Isqfijiet qalu li  “inkomplu naffermaw li t-tfittxija għall-azil u l-protezzjoni hi xi ħaġa legali. Bħala pajjiż aħna għandna d-dover li nilqgħu individwi u familji mkissra, b’kumpassjoni u noffrulhom trattament uman. Għandna nisimgħu kliem Kristu meta qal “Dak kollu li tagħmlu għal wieħed minn l-iżgħar fost ħuti, tkunu qed tagħmluh miegħi”.

L-Isqfijiet qalu li “aħna dispjaċuti ferm għall-aħbar li Jakelin Caal Maquin, tifla ta’ 7 snin mietet ftit wara li qasmet lejn l-Istati Uniti flimkien ma’ missierha u taw lilhom infushom f’idejn l-awtoritajiet Amerikani tal-Kontroll tal-Fruntieri, biex ifittxu ażil fil-pajjiż.”.

Fil-festa tal-Kunċizzjoni, ħajjet din it-tifla intemmet f’daqqa waħda. Hi u missierha kienu parti minn grupp ta’ persuni li vvjaġġaw tul ta’ 3,200 kilometru bil-mixi u b’karrozza tal-linja mill-Guatemala.  Għall-ewwel darba f’ħajjitha din it-tifla kienet liebsa żarbun u fil-vjaġġ iċċelebrat għeluq is-seba’ snin tagħha. Il-vjaġġ tal-grupp li kienet fih ħa aktar minn ġimgħa. Wara li ħallsu lil traffikant uman, fis-6 ta’ Diċembru waslu fi New Mexico u ftit wara taw lilhom infushom f’idejn l-awtoritajiet Amerikani.

Meta kienu sejrin jagħtu lilhom infushom f’idejn l-awtoritajiet it-tifla ħassitha ma tiflaħx u missierha informa b’dan lill-aġenti tal-kontroll tal-fruntiera. Wara vjaġġ ta’ siegħa u nofs it-tifla waqfet tieħu n-nifs. Hi ttieħdet b’ajruplan fi sptar f’Texas u mietet jumejn wara. L-Awtoritajiet qalu li mietet kaġun ta’ “dehydration”. Ir-riżultat tal-awtopsja għadu ma ħariġx.

L-Isqfijiet Amerikani urew is-sogħba tagħhom mal-familja ta’ Jakelin. “Meta tmut tifla il-ħajja tisfaxxa. Il-mewt tagħha hi konsegwenza tal-politika fallimentari tagħna dwar l-emigrazzjoni li twaqqaf  fuq il-fruntiera lil min qed ifittex ażil għax dan jista’ jwassal aktar familji biex ifittxu li jgħaddu l-fruntiera minn postijiet aktar perikolużi. Il-mewt ta’ Jakelin hi tfakkira traġika tas-sitwazzjonijiet iddisprati li ħafna qed jaħarbu minnhom fejn hemm il-vjolenza, persekuzzjoni u l-faqar kemm f’pajjiżhom u issa anke fuq il-fruntieri tagħna,” qalet l-istqarrija tal-Isqfijiet.

Huma qalu li qed jistennew ir-riżultat tal-investigazzjonijiet li qed issir mid-Dipartiment konċernat u filwaqt li rrikonoxxew il-ħidma tal-gwardji tal-fruntiera, appellawlhom biex “jirrevedu l-politika tagħhom dwar il-kura ta’ persuni vulnerabbli fil-kustodja tagħhom” u offrew l-għajnuna tagħhom biex issir din ir-reviżjoni

L-Isqfijiet ikkonkludew l-istqarrija tagħhom billi qalu li dan l-inċident wieħed għandu jħares lejh fl-ispirtu tal-festi tal-Milied u jfakkarna li t-twelid ta’ Kristu wkoll seħħ wara li lill-ġenituri tiegħu qalulhom li ma kienx hemm post għalihom.