“Imħassra vjaġġi bl-ambulanzi tal-emerġenza; iwassluhom il-qraba”

Ħames vjaġġi tal-ambulanzi tal-emerġenza ġew ikkanċellati u l-pazjenti se jitwasslu mill-qraba wara li skont sorsi reġgħu ġew ordnati direttivi mill-Unjin Ħaddiema Magħqudin – Voice of the Workers (UĦM)

Is-sors li tkellem ma’ Newsbook.com.mt spjega li kawża ta’ dan l-ambulanzi qed jaħdmu bil-mod wisq u sa madwar il-11amm kien hemm mal-10 vjaġġi pendenti. Is-sors sostna li d-direttiva daħlet fis-seħħ fit-8.30am u ma jidhirx li hemm ħjiel sakemm sa ddum.

Id-direttiva qed tordna lill-membri tal-UĦM sabiex ma joħorġux bl-ambulanza sakemm ma jkunx hemm infermiera magħhom. Dan ġie kkonfermat ukoll mill-Unjin stess. Ma’ Newsbook.com.mt il-kelliem għall-Unjin sostna li sa issa ma kien hemm l-ebda kuntatt mill-maniġment mal-Unjin biex tissolva din il-problema.

Is-sors sostna wkoll li l-ħaddiema li jaqgħu taħt il-General Workers’ Union (GWU) mhux qed isegwu l-istess direttivi.

Leave ta’ ħaddiem jikkawża skossi fis-servizz tal-ambulanzi

Is-sors sostna kif dawn id-direttivi huma dwar l-istess każ li kien seħħ f’Novembru li għadda fejn kienu ġew ordnati direttivi mill-istess unjin minħabba “inġustizzja” ma’ ħaddiem wieħed dwar il-leave. Is-sors spjega kif minkejja l-passi li ttieħdu qabel, il-ħaddiem li kien ikkanċella ġurnata leave daħal għax-xogħol iżda l-ġurnata nqatgħet xorta mil-leave tiegħu. Dan wara li l-maniġment ma ppermettilux li jikkanċella l-leave tiegħu minkejja li kien għadu fiż-żmien li jagħmel dan.