Filmat: “Imħassbin dwar l-allegazzjonijiet dwar id-DĠ tas-sajd” – Charlon Gouder, FMAP

Il-Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni Maltija għall-Produtturi tal-Akwakultura (FMAP), Charlon Gouder, qal li l-Federazzjoni tinsab imħassba serjament b’dak li ġie rrappurtat dwar l-allegatament teħid ta’ flus mid-direttur ġenerali tas-sajd Andreina Fenech Farrugia. Iktar tard dalgħodu Fenech Farrugia ġiet sospiża mill-karriga tagħha. Minn naħa tagħha Fenech Farrugia ċaħdet kategorikament li għamlet xi ħaġa ħażina. Hi saħqet li matul l-impjieg tagħha dejjem imxiet b’mod professjonali.

AQRA: Aġġornata (2) : Inkjesta dwar “teħid ta’ flus mill-bejgħ tat-tonn mid-DĠ”

Gouder ma’ Newsbook.com.mt qal li l-Federazzjoni appuntat avukati fi Spanja fejn se tkun qed issegwi dak li qed jiġri mill-qrib. Sostna li huwa se jkun qed jiltaqa’ mal-avukati iktar tard matul din il-ġimgħa, kompla jispjega li dan se jsir biex l-industrija tat-tonn f’Malta jkollha l-aqwa difiża.

Rigward id-Direttur Ġeneral tas-Sajd, Gouder rrefera għal Fenech Farrugia mingħajr ma semmiha u qal li dawn għandhom allegazzjonijiet u investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin u għalhekk il-persuna tibqa’ innoċenti sakemm tinstab ħatja.

Dwar is-sospenzjoni ta’ Fenech Farrugia, Gouder saħaq li kienet deċiżjoni “għaqlija” minn naħa tal-Gvern.

Gouder spjega li l-Federazzjoni dan l-aħħar irristrutturat lilha nnifsiha u saħaq li se jkomplu jittieħdu miżuri biex ikunu jistgħu jirresponsabiliżżaw l-industrija. Gouder stqarr li l-Federazzjoni tirrapreżenta 75% tal-operaturi f’Malta u lill-operaturi lokali. Qal ukoll li l-kumpanija kkonċernata mhix membru tal-Federazzjoni.

Charlon Gouder kien segretarju privat ta’ Jose Herrera meta dan kien is-Segretarju Parlamentari għall-Kompetitività. Huwa kien rriżenja minn segretarju privat fl-2015 u kien appuntat bħala konsulent tas-Segretarju Parlamentari.